Saturday, May 4, 2024

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ikopri spejjeż marbuta ma’ operazzjoni umanitarja f’Bejrut

Aqra wkoll

Wara l-isplużjoni devastanti li seħħet fl-4 ta’ Awwissu 2020 f’Bejrut, li ħasdet il-ħajja ta’ iktar minn 190 persuna, ħalliet aktar minn 4,000 persuna midruba u ġarrfet l-infrastruttura tal-belt kapitali Libaniża b’mod konsiderevoli, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej kopra l-ispejjeż marbuta ma’ titjira umanitarja lejn Bejrut fejn twasslu mal-45 tunellata ta’ prodotti mogħtija minn kumpaniji Maltin u mill-pubbliku ġenerali.

Il-ġenerożità tal-poplu Malti għamlet dan l-isforz possibbli u d-donazzjonijiet sussegwenti mlew Airbus A340-300 9H-SUN, liema ajruplan ingħata minn Hi Fly Ltd. L-operazzjoni umanitarja, li kienet idea tal-Kaptan Charles Pace mill-Avjazzjoni Ċivili, saret fil-25 ta’ Settembru 2020 wara talba għal donazzjonijiet fil-bidu ta’ Awwissu.

Fost il-merkanzija kien hemm ilbies mediku u sanitarju relatat mal-konteniment tal-COVID-19, ingwanti, prodotti tal-ikel, ħwejjeġ, ħrieqi għat-trabi u oġġetti essenzjali oħra, b’valur totali ta’ madwar €75,000.

Din l-inizjattiva hija riżultat tad-deċiżjoni pronta tal-Gvern ta’ Malta li jalloka €50,000 mill-baġit nazzjonali għall-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali, sabiex jgħin lill-poplu Libaniż f’dan iż-żmien kruċjali. B’hekk din kienet suċċess ieħor fost bosta inizjattivi umanitarji oħra meħuda mill-Gvern Malti din is-sena u xhieda tal-impenn attiv ta’ Malta fl-isfera umanitarja.

Il-ministeru jixtieq jirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa b’mod ġeneruż għal dan l-att ta’ solidarjetà mal-poplu u mal-Gvern Libanu.

Sport