Fis-seduta Parlamentari tal-lejla l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia saħaq li t-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt simili għall-pandemija tal-Covid-19.
Il-Ministru Farrugia qal li t-tibdil fil-klima m’għandux jittieħed biss mil-lat ta’ żieda fit-temperaturi jew fil-livell tal-baħar bil-konsegwenza li jaf jaffettwa lill-gżejjer Maltin.
Żied jgħid li mhux talli l-poplu Malti stess jaf ikun sfurzat jitlaq minn pajjiżu minħabba s-sħana kbira, iżda talli l-istess tibdil fil-klima jaf twassal għal mard respiratorju li ssarraf f’imwiet ta’ nies.
Intant f’kumment ma’ Inewsmalta l-Ministru Farrugia qal li mill-pandemija tal-Covid-19 jixtieq li l-poplu Malti jitgħallem u jibda jipprepara għall-isfida tat-tibdil fil-klima biex dak li qed jgħix illum ma jerġax jesperjenzah kaġun tat-tibdil fil-klima.