Monday, April 29, 2024

In-negozji jridu inċentivi anke wara li tgħaddi l-pandemija tal-Covid-19

Aqra wkoll

31% tan-negozji jgħidu li għandhom problemi biex iħallsu l-impjegati

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji qed tapellla lill-Gvern biex mhux biss jgħin lin-negozji issa imma anke wara li tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19 biex l-ekonomija terġa’ tirpilja.

Dan kien l-appell tagħha waqt konferenza stampa fejn ippreżentat studju dwar kif qed jintlaqtu n-negozji. L-istudju sar fost 360 negozju inkluż self-employed bejn l-4 u d-19 ta’ April. 

Mill-istħarriġ irriżulta li huma biss 10% tan-negozji li għadhom miftuħin kompletament mentri 39% huma totalment magħluqin. 

Mistoqsija dwar l-akbar tħassib tagħhom f’termini ta’ restrizzjonijiet finanzjari, 31% qalu li għandhom problemi biex iħallsu l-impjegati, 24% biex jiġbru l-ħlasijiet, u 16% biex iħallsu l-kera. 

Dwar kemm jaħsbu li n-negozju tagħhom se jkampa f’din is-sitwazzjoni, 30% qalu li jifilħu din is-sitwazzjoni sa xahrejn, 29% sa tliet xhur u 19% sa aktar minn tliet xhur. Intant, 18% tan-negozji qalu li sal-aħħar tax-xahar se jibdew ikeċċu l-ħaddiema. 

Mistoqsija dwar kif iqisu l-livell ta’ appoġġ min-naħa tal-gvern fis-sitwazzjoni kurrenti, il-maġġoranza wieġbu li jixtiequ aktar għajnuna.

Dwar it-teleworking, 1% biss tan-negozji għandhom 100 fil-mija tal-impjegati li jaħdmu mid-dar.

Mistoqsija jekk applikawx għall-permess mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) biex ibiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, 51% wieġbu li le mentri 22% wieġbu “Iva”.

Mill-istudju ħareġ ukoll li 57% tan-negozji ma jifilħux joħorġu aktar mat-€800 li l-Gvern qed jiggarantixxi bħala paga għal kull ħaddiem fix-xahar.

Fost il-problemi li qed jaffaċjaw in-negozji hemm il-kera, ir-relazzjoni mal-banek u s-saħħa mentali kemm tas-sidien kif ukoll tal-impjegati minħabba l-inċertezza kkaġunata. 

Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela appella lill-Gvern biex jagħti lin-negozji dak dovut minnu ħalli b’hekk huma jkunu jistgħu jħallsu negozji oħra. 

Sport