Thursday, May 16, 2024

Il-Ministru għall-Enerġija f’laqgħa bilaterali mal-President ta’ Sqallija dwar it-tieni interconnector

Aqra wkoll

F’laqgħa bilaterali bejn Malta u Sqallija ġew diskussi l-proġetti ta’ interkonnessjoni tal-enerġija li jgħaqqdu lil Malta ma’ Sqallija, l-Italja.

Id-delegazzjoni Maltija, immexxija mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, iltaqgħet mal-President ta’ Sqallija Sebastiano Musumeci f’Palazzo Orléans.

Waqt id-diskussjonijiet dwar il-proġett tal-interconnector, b’mod partikolari t-tisħih tal-link attwali minn Malta għal Ragusa, il-Ministru Dalli spjegat li Malta qiegħda tesplora rotot differenti kemm għall-partijiet onshore kif ukoll offshore biex ittejjeb is-sigurtà tal-provvista. Dan il-proċess se jinvolvi studji ambjentali u ta’ disinn kemm onshore kif ukoll offshore.

Il-proċess tal-ġbir tad-data mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.

“It-tisħiħ tal-integrazzjoni tan-network tal-provvista tal-enerġija ta’ Malta mal-grid Ewropew huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-provvista għad-domanda dejjem tikber tal-enerġija”, qalet il-Ministru Miriam Dalli. Spjegat ukoll li t-tieni interconnector se jgħin biex ikun aġevolat aktar l-użu ta’ aktar enerġiji rinnovabbli. Dan għaliex ir-reżiljenza tal-grid u l-ispinning reservese jittejbu biex jippermettu lil Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha lejn il-kisba tan-newtralità tal-karbonju sal-2050.

“Permezz tat-tieni interconnector inkunu f’pożizzjoni aħjar biex nirrispondu għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku li l-pajjiż se jkollu fis-snin li ġejjin. Għal din ir-raġuni nitolbu l-kollaborazzjoni tal-gvern reġjonali biex dan il-proċess ma jiħux fit-tul”, affermat il-Ministru Dalli.

Uffiċjali mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u rappreżentanti ta’ Interconnect Malta akkumpanjaw lill-Ministru Dalli għal-laqgħa.

Sport