Sunday, November 24, 2024

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva f’laqgħat mal-WHO fid-Danimarka

Aqra wkoll

Fid-Danimarka, l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela kellu laqgħat mad-Direttur Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) Dr Hans Kluge u d-Diretturi tal-Kunsill Eżekuttiv tiegħu.

Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi bosta temi ta’ kollaborazzjoni fosthom: il-kura tas-saħħa mentali; Non-Communicable Diseases; Digital Health; l-anzjanità attiva, l-kura paljattiva u l-kura fit-tul. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela semma kif fl-aħħar ġimgħat pajjiżna nieda riforma għall-kura tas-saħħa mentali, kif ukoll nieda konsultazzjoni pubblika dwar mard li ma jitteħidx. 


Dwar il-kura tal-anzjani, il-Ministru Abela spjega kif fl-aħħar snin pajjiżna għamel qabża kbira f’dan ir-rigward, fejn ġew introdotti numru ta’ servizzi fil-komunità kemm dawk kliniċi kif ukoll ċentri ġodda ta’ matul il-jum. Semma wkoll il-ħidma li qed issir fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġjia Nazzjonali għad-Dimensja u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva.

“Fis-settur tas-saħħa Malta qed taħdem biex mhux biss tkun konformi mal-viżjoni tal-WHO imma wkoll qed naraw li nkunu pijunieri biex pajjiżi oħra, bħal ma’ diġà sar fil-passat, jimxu fuq il-passi ta’ pajjiżna f’ċerti oqsma fil-kura tas-saħħa”, temm jgħid il-Ministru Abela.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Reġjonali, Dr Hans Kluge faħħar il-ħidma li wettqet Malta fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari l-għajnuna u s-sostenn li pajjiżna qed joffri lill-vittmi milquta f’Gaża. Dr Hans Kluge rrimarka li l-viżjoni li Malta għandha għas-settur tas-saħħa hija konformi mal-viżjoni li l-WHO qed tara li tiġi implimentata fil-pajjiżi tar-reġjun Ewropew.

Sport