Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea, li saret fi Brussell. Matul il-laqgħa, il-Ministri Ewropej iddiskutew diversi temi importanti għall-futur tas-settur agrikolu, fosthom l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bhejjem u l-Pjan tal-Proteini, ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u kwistjonijiet kummerċjali relatati mal-agrikoltura.
Fid-diskussjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Bhejjem u l-Pjan tal-Proteini, il-Ministru Refalo laqa’ l-enfasi fuq il-ġestjoni tar-riskju, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari. Huwa saħaq li dawn huma elementi essenzjali biex jinbena settur aktar reżiljenti, sostenibbli u kompetittiv. Fl-istess waqt, il-Ministru tenna li kull strateġija Ewropea għandha tirrikonoxxi r-realtajiet differenti tal-Istati Membri u tipprovdi biżżejjed flessibbiltà sabiex pajjiżi bħal Malta jkunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi u l-limitazzjonijiet partikolari tagħhom.
Il-Ministru Refalo intervjena wkoll waqt id-diskussjoni dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura. Huwa enfasizza li għal diversi sekli, in-nisa kienu u għadhom pilastru importanti fis-settur agrikolu Malti u li l-kontribut tagħhom imur lil hinn mill-produzzjoni primarja, bi rwol importanti fil-ġestjoni tal-azjendi, fl-ipproċessar tal-ikel, fil-kummerċjalizzazzjoni u fl-intraprenditorija rurali. Malta sostniet il-ħtieġa għal aktar viżibbiltà, aċċess għat-taħriġ, servizzi ta’ konsulenza, innovazzjoni u appoġġ għall-investiment, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-aċċess għall-art u s-suċċessjoni tal-azjendi agrikoli.
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll kwistjonijiet kummerċjali relatati mal-agrikoltura, b’enfasi fuq il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Il-Ministru Refalo spjega li Malta tqis il-Politika Agrikola Komuni bħala strument kruċjali biex tissaħħaħ il-promozzjoni tal-prodotti ta’ kwalità. Huwa semma wkoll il-ħidma li qed issir f’pajjiżna permezz ta’ kampanji ta’ għarfien, fieri kummerċjali u għodod diġitali biex jiżdied ir-rikonoxximent tal-prodotti ta’ kwalità u l-parteċipazzjoni f’dawn l-iskemi. Malta saħqet ukoll fuq il-ħtieġa ta’ ftehimiet kummerċjali robusti u koordinazzjoni internazzjonali aktar b’saħħitha biex jiġu protetti tali prodotti Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.
“Jeħtieġ li l-politiki Ewropej ikomplu jirriflettu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri, filwaqt li noħolqu aktar opportunitajiet għall-bdiewa, għaż-żgħażagħ u għan-nisa fis-settur. Permezz tal-innovazzjoni, l-investiment u l-protezzjoni tal-prodotti ta’ kwalità tagħna, nistgħu nkomplu nsaħħu s-settur agrikolu biex ikun aktar reżiljenti, kompetittiv u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
