L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ordnat l-għeluq immedjat ta’ blokk ta’ appartamenti fi Swieqi li kuen qed jinkera għal żmien qasir talli ma segwix ir-regolamenti.
L-MTA fi stqarrija tgħid li qed tkompli twettaq programm kontinwu ta’ spezzjonijiet fil-lokalità ta’ Swieqi, b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, fosthom il-Pulizija tal-Komunità u l-Kunsill Lokali ta’ Swieqi. Qalet li dawn l-ispezzjonijiet koordinati diġà wasslu għal riżultati konkreti, bil-MTA tibda tieħu l-passi legali u ta’ infurzar meħtieġa fejn instabu ksur tar-regolamenti.
Fl-istqarrija ntqal li fir-rigward tal-blokk ta’ appartamenti fi Swieqi li kien is-suġġett ta’ azzjoni reċenti ta’ infurzar, l-MTA wettqet spezzjonijiet oħra u jirriżulta li numru sostanzjali ta’ appartamenti fil-proprjetà kienu qed joperaw bi ksur tal-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzja maħruġa mill-Awtorità. Għalhekk qalet li se tibda proċeduri ta’ infurzar u tieħu l-miżuri legali kollha disponibbli fil-konfront tas-sid.
Intant, l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, laqgħet l-azzjoni mmedjata u kkordinata mill-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità tat-Turiżmu, l-MTA, b’rabta mal-multi għal reati minuri u kontravenzjonijiet u jridu jitħallsu fuq il-post minnufih, minn dawk li mhuwiex resident fostna, dawk magħrufa l-‘on-the-spot fines’.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li fl-aħħar jiem, il-Pulizija wettqet numru ta’ operazzjonijiet fejn identifikat dawk responsabbli fuq imġieba mhux paċifika fil-pubbliku, u ħarġet multi fuq il-post. Dan filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA ħadet azzjoni kontra l-operatur ta’ din il-blokka, wara li sabet ksur tal-kundizzjonijiet applikabbli tal-liċenzja, u ordnat l-għeluq tal-appartamenti sakemm tinkiseb konformità sħiħa.
L-MHRA laqgħet ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeri tal-Intern u t-Turiżmu, immexxija mill-Ministri Glenn Bedingfield u Jo Etienne Abela, rispettivament. Dan bl-għan aħħari li jipproteġu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u lil dawk li jżuruna.
L-Assoċjazzjoni tkellmet dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-multi li joħorġu fuq il-post. Skontha, il-multi attwali huma baxxi wisq biex jaġixxu bħala deterrent effettiv kontra mġieba li tfixkel il-komunitajiet Maltin.
L-MHRA qalet ukoll li Malta tilqa’ turisti, li l-maġġoranza tagħhom jirrispettaw lil pajjiżna u jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn l-industrija lokali tat-turiżmu. Madankollu, intqal, li dawk li jagħżlu li ma jirrispettawx lil Malta, in-nies u l-liġijiet tagħha, għandhom jiffaċċjaw infurzar sod li jirriflettu l-ħidma u s-serjetà fl-awtoritajiet Maltin.
