Il-Police Officers Union kellha laqgħa formali mal-Ministru għall-Intern l-Onorevoli Glenn Bedingfield.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ kwistjonijiet pendenti, kif ukoll suġġetti ġodda li jolqtu direttament lill-membri tagħna u l-Korp tal-Pulizija.
“Bħal dejjem, il-prijorità tagħna tibqa’ waħda ċara – li nkomplu naħdmu b’impenn u determinazzjoni favur kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, aktar ġusti u aktar dinjitużi għall-uffiċjali kollha tal-Pulizija,” intqal fi stqarrija li ħarġet il-POU.
L-istqarrija tkompli tgħid li “inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu naħdmu id f’id mal-Ministeru, u m’għandna l-ebda dubju li, permezz ta’ djalogu serju u kollaborazzjoni sinċiera, se nkomplu niksbu riżultati konkreti fl-aħjar interess tal-uffiċjali tal-Pulizija u tal-Korp kollu.”
Il-POU tirringrazzja lill-Ministru għall-Intern “talli laqagħna u għall-impenn tiegħu li jkompli jżomm il-bieb miftuħ għad-djalogu mal-Union tal-Uffiċjali tal-Pulizija.”
