Tuesday, July 14, 2026
Home Internazzjonali L-Irlanda fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

L-Irlanda fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

0
1

Mill-1 ta’ Lulju 2026, l-Irlanda bdiet il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rwol li se żżomm sal-31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena. Dan ifisser li, għal sitt xhur, l-Irlanda se tkun qed tmexxi laqgħat importanti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tgħin biex jintlaħaq qbil dwar liġijiet u deċiżjonijiet li jolqtu liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-komunitajiet madwar l-Ewropa kollha.

Il-Presidenza ma tfissirx li l-Irlanda se tiddeċiedi waħedha x’għandha tagħmel l-Unjoni Ewropea. L-irwol tagħha huwa li tisma’, tlaqqa’ l-opinjonijiet differenti flimkien u tgħin lill-pajjiżi jsibu triq komuni. Fi żmien fejn l-Ewropa qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi, teknoloġiċi u ta’ sigurtà, dan l-irwol isir aktar importanti.

Il-messaġġ magħżul mill-Irlanda huwa “Saħħa permezz tal-għaqda”. Dan jirrifletti l-ħtieġa li l-Istati Membri jaħdmu aktar flimkien quddiem instabbiltà globali, pressjonijiet ekonomiċi u theddid ġdid, fosthom dak diġitali.

Il-programm Irlandiż jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin: il-kompetittività, il-valuri u s-sigurtà. Fil-qasam tal-kompetittività, l-għan huwa li tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea, b’aktar appoġġ għall-innovazzjoni u għan-negozji, b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji. Se jkun hemm ukoll enfasi fuq simplifikazzjoni tar-regoli sabiex in-negozji jkunu jistgħu jikbru b’anqas piżijiet amministrattivi żejda.

Fil-qasam tal-valuri, l-Irlanda ser tkun qed tagħti prijorità lid-demokrazija, l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Dan jinkludi wkoll il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-ħidma biex l-ambjent diġitali jkun aktar sigur għaċ-ċittadini.

Is-sigurtà hija prijorità oħra, speċjalment fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna, it-theddid ċibernetiku u l-ħtieġa li l-infrastruttura kritika Ewropea tkun protetta aħjar.

Għal Malta, dawn id-diskussjonijiet huma ta’ importanza diretta. Bħala l-iżgħar Stat Membru u gżira fil-periferija tal-Ewropa, Malta għandha interess f’oqsma bħall-konnettività, it-trasport, l-enerġija, is-Suq Waħdieni u r-reżiljenza.

Matul din il-Presidenza se jkomplu wkoll diskussjonijiet dwar il-baġit fit-tul tal-Unjoni Ewropea għall-2028 sal-2034. Dan il-baġit jista’ jinfluwenza fondi Ewropej għal oqsma bħall-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

Għalhekk, is-sitt xhur li ġejjin mhumiex biss importanti għall-Irlanda, iżda wkoll għal Malta u għall-futur tal-Unjoni Ewropea. 

Għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-aħħar żviluppi fil-politika tal-Unjoni Ewropea u l-konsultazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll avvenimenti u opportunitajiet li ġejjin, żur is-sit uffiċjali ta’ Servizzi Ewropej f’Malta fuq sem.gov.mt jew ikkuntattjana fuq [email protected] jew 2779 7300.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here