Friday, November 29, 2024

Il-mira tagħna hi li nżommu l-impjiegi b’saħħithom – il-Prim Ministru Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-mira tal-gvern hi li jkompli jsaħħaħ l-impjiegi u li jnaqqas il-qgħad, kif seħħ fl-aħħar xhur minkejja l-isfida tal-pandemija.

Dr Abela qal dan f’laqgħa li kellu mal-membri tal-Assoċjazzjoni Stabbilimenti tal-Catering fil-Berġa ta’ Kastilja, fl-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin bi preparazzjoni għall-Baġit għas-sena d-dieħla.

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru nnota li l-miżuri li ħa l-gvern fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, fosthom il-wage supplement, l-iskemi tal-vouchers u tat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u tal-kirjiet tan-negozji kienu kruċjali biex pajjiżna mhux biss żamm il-qgħad f’livell baxx iżda baqa’ nieżel. Fisser bħala sinifikanti l-fatt li waqt li l-qgħad f’Malta niżel b’0.4%, fiż-żona ewro żdied b’0.8%.

Dr Abela qal li jinsab konvint li minkejja kull diffikultà se mmorru tajjeb u qal li għalhekk l-għan tal-gvern jibqa’ li nżommu n-negozji ħajjin, l-impjiegi b’saħħithom u n-nies fuq il-post tax-xogħol biex ikollhom il-fiduċja li jonfqu. 

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-garanzija tal-wage supplement se żżomm lin-nies bil-kunfidenza li jafu li għandhom dħul garantit u sostna li jinsab konvint li din hi sfida kollettiva li minnha se noħorġu aktar tajjeb.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel Ruben Buttigieg qal li l-gvern mhux biss sema’ iżda aġixxa fuq l-ideat li ressqu biex ġew salvati eluf ta’ impjiegi u biex l-istabbilimenti jibqgħu miftuħin.

Qal li l-wage supplement għen biex il-ħaddiema jibqgħu fl-impjiegi u sostna li importanti li dan jiġi estiż. Dwar il-ħruġ tal-vouchers qal li dawn kienu importanti ħafna tant li kkontribwixxew medja ta’ 60% tal-bejgħ u li kieku ma ngħatawx, illum dawn ir-ristoranti kienu jkunu magħluqin. Appella biex fix-xhur li ġejjin il-gvern jerġa’ joħroġ skema oħra ta’ vouchers biex jgħin lis-settur u lill-familji.

Is-Sur Buttigieg qal ukoll li l-membri tal-assoċjazzjoni huma grati għall-iskemi li nieda l-gvern tat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u tal-kirjiet tan-negozji u appella biex dawn ikomplu jissaħħu.

Ikkonkluda li jinsab konvint li kieku ma ttiħdux il-miżuri li ħa l-gvern, illum mhux qed niddiskutu kif se nikbru u nirkupraw ekonomikament iżda l-faqar u kif se noħorġu minnu.

Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

Sport