Friday, December 20, 2024

Il-mixja ta’ Vladimir Putin

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Mingħajr dubju ta’ xejn, bħalissa l-aktar isem li qiegħed jissemma fuq il-medja kollha madwar id-dinja huwa dak tal-President Russu Vladimir Putin. F’ dan l-artiklu sejrin naraw il-mixja ta’ dan il-bniedem minn tifel imfissed għal agent tal-KGB u wara sejrin naraw ukoll it-triq li wasslitu sabiex minn viċi-sindku tal-belt ta’ San Pietruburgu, huwa tela’ għall-ogħla karigi politiċi fil-pajjiż sabiex sar wiehed mill-aktar politiċi b’ saħħithom fl-isfera nternazzjonali u probabbilment wieħed mill-aktar nies sinjuri fid- dinja. Però, sejrin naraw ukoll li hemm ċans kbir li Putin qiegħed jgħix fil-biża’ u qiegħed jaġixxi kif inhu jagħmel bħalissa għax din kienet l-unika triq sabiex isalva l-karriera politika tiegħu jekk mhux ukoll ħajtu.

Tfulija

Ħafna artikli u dokumentarji jiddeskrivu lil Vladimir Putin bħala l-uniku iben ta’ koppja mill-belt ta’ San Pietruburgu, iben li tweldilhom meta huma kien fl-erbgħinijiet tagħhom. Però, hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid fuq il-familja ta’ Putin. 

Filfatt, il-ġenituri ta’ Putin kellhom żewġ subien oħra qabel twieled Vladimir.  It-tnejn li huma mietu ta’ età żgħira, biż-żgħir fosthom, Victor, miet bil-ġuħ matul l-invażjoni Nażista ta’ Leningrad, kif kien jisimha il-belt ta’ San Pietruburgu dak iż-żmien. Tant sofriet il-familja Putin matul il-gwerra li hemm xnigħat li huma salvaw billi ġieli kielu laħam uman bħalma għamlu ħafna Russi dik il-ħabta. 

Jingħad li missier Vladimir kien jifforma parti mis-servizzi sigrieti tal-Unjoni Sovjetika. Din ix-xnigha hija bbażata fuq il-fatt l l-familja Putin kienet l-unika waħda li kellha is- servizz tat-telefon fiż-żona fejn kienu jabitaw. 

Il-koppja Putin kien spiċċaw mingħajr tfal u qatgħu qalbhom li kienu jistgħu jerġgħu jkollhom tarbija minħabba li issa kellhom fuq l-erbgħin sew. Kien għalhekk li meta fis- 7 ta’ Ottubju 1952 twieled Vladimir, dawn bdew litteralment jadurawh. Milli jidher, Vladimir kien tifel privileġġjat mhux ħażin u hemm minn jgħid li huwa kien l-uniku żagħżugħ fl-iskola  li kien jattendi li kellu karozza privata, karozza li jingħad li ngħatatlu bħala rigal mingħand il-ġenituri tieghħu wara li dawn rebħu lotterija.

Minkejja li Putin ma kien fih xejn bħala statura, huwa kien xorta jżomm id-dekor tiegħu billi kien jibrilla fl-arti marzjali u anke f’suġġetti akkademiċi.

Il-KGB

Ta’ sittax-il sena, Vladimir ippreżenta ruħu fil-kwartieri tal-KGB sabiex jingħaqad magħhom. Però dawn bagħtuh jistudja. Vladimir żamm kellmtu u sitt snin wara, huwa mar lura sabiex jingħaqad mal-KGB gradwat bħala avukat.

Wara snin ta’ taħriġ mill-KGB, Vladimir intbagħat iservi lil pajjiżu fil-Ġermanja tal- Lvant li dik il- ħabta kienet immexxiha minn reġim Kommunista li minn naħa tagħhom kien jimxu fuq l-ordnijiet ta’ Moska. Vladimir serva ġewwa l-Ġermanja b’ dedikazzjoni kbira, tant li huwa kien wieħed mill-istaff tal-ambaxxata Russa ġewwa Berlin li baqgħu hemm sal-aħħar waqt li kien qiegħed jaqa’ l-ħajt ta’ Berlin  sabiex jaħraq xi dokumenti sensittivi.

Il-bidu tal-karriera politika

Meta fl-1990, Putin irritorna lura ġewwa r-Russja wara l-waqgħa tal-Kommuniżmu, huwa ġie mpjegat minn Anatoli Sonchak, s-sindku ta’ San Pietruburgu. Sonchak kien diga’ jaf lil Putin minn qabel billi kien jgħallmu meta kien jistudja l-liġi ġewwa l- Università ta’ Leningrad. Ġewwa din il-belt, kien sigriet magħruf kemm is-sindku kien bniedem korrot għall-aħħar.

Fl-1991, Sonchak kien laħħaq lil Putin bħala ċ-Chairman tal-Kumitat tar-Relazzjonijiet Esterni, kumitat li kien joħroġ il-permessi għall-ftuħ ta’ negozji minn nies barranin ġewwa din il-belt. Putin żamm din il-kariga sas-sena 1996. Però, fl-1994, bħala gratitudni għall- lealtà assoluta li Putin kien wera lejh, Sonchak ħatar lil Putin bħala l- viċi tiegħu. F’dak iż-żmien diġa’ kienet bdiet toħroġ fil-beraħ l-ambizzjoni mingħajr limiti ta’ Putin fejn saħansitra kkummissjona dokumentarju fuqu nnifsu sabiex izżid il- popolarità tiegħu fil-belt.

Diversi investigazzjonijiet ġurnalistiċi li saru matul iż-żmien jallegaw li matul dan il- perjodu, Putin kien involut f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus, f’diversi tipi ta’ korruzzjoni u anke li kellu relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet kriminali. Minkejja li dawn l- allegazzjonijiet qatt ma ġew pprovati, l-medja tal-Punent tgħid li dan qatt ma seħħ minħabba l-mekkaniżmi li għandu f’idejh Putin sabiex joħnoq kull tip ta’ investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

Fost il-ħafna allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront ta’ l-operat ta’ Putin matul dan iż-żmien hemm dik li  l-Viċi Sindku Putin  seraq miljuni ta’ dollari li suppost kienu ntiżi sabiex jinġieb l-ikel għan-nies ta’ San Pietruburgu, wara li l- ikel kien spiċċa għal kollox wara t-tmiem tal-Unjoni Sovjetika. Dan l-ikel qatt ma wasal. Hemm allegazzjoni sejra oħra li flus li kienu ntiżi sabiex isiru diversi proġetti infrastrutturali għosfru u jingħad li dawn intefqu f’xiri ta’ appartamenti lussużi fi Spanja minn nies qrib ħafna ta’ Putin.

Meta s-Sindku Sonchak tilef l-elezzjoni sabiex jigġi kkonfermat bħala sindku, ħafna mill-alleati tiegħu daru kontrih. Però, Putin baqa’ leali lejh u skont il-mara tas-sindku għenu jaħrab mir-Russja sabiex suppost jieħu l-kura wara li kien tah attakk  tal-qalb. Però, ħafna jsostnu li r-ragġuni vera kienet sabiex jisgiċċa mill-madmad tal-ġustizzja.

Ir-relazzjoni ma’ Yeltsin

Dik il-ħabta r-Russja kienet immexxija minn Boris Yelstin. Dan kien ibbaża t-tmexxija tiegħu fuq il-korruzjoni billi mela bil-flus lil xi ftit mijiet ta’ ħbieb tiegħu billi biegħlhom il-kumpaniji tal-Istat bis-soldi. 

Yelstin kien imwerwer li s-suċċessur tiegħu kien sejjer iressqu quddiem il-ġustizzja minħabba din il-korruzjoni lampanti. Jingħad li kien għalhekk li Yeltsin kien tefa’ għajnejh fuq Putin sabiex dan isir is-suċċessur tiegħu minħabba l-lealtà li kien wera mas-sindku ta’ San Pietruburgu. Yeltsin irraġuna li miegħu, Putin jimxi l-istess.

Il-11 ta’ Settembru tar-Russja

Sabiex jitfgħu f’pożizzjoni favorevoli biex eventwalment ikun jista’ jeħodlu postu, fl- 1999, Yeltsin kien ħatar lil Putin bħala Prim Ministru, wara li ftit xhur qabel Putin kien ħa t-tmexxija tal-FSB, is-suċċessur tal-KGB, f’idejh. Sa dak inhar, ħadd ma kien jaf min hu Putin f’Moska. 

Fl-istess sena li huwa nħatar bħala l-Prim Ministru tar-Russja, Putin irnexxielu jbiddel l-immaġini politika tiegħu fuq skala nazzjonali mill-llum għal għada billi rikeb fuq numru ta’ attakki terroristiċi li jingħad li kienu ġew imwettqin minn separatisti Ċeċenji li kienu qegħdin jippruvaw jieħdu l-indipendenza mir-Russja. Dawn l-attakki kienu qerdu għal kollox erba’ blokki ta’ appartamenti f’diversi ibliet Russi u ħallew mijiet ta’ nies innoċenti mejtin. Putin beda jidher fuq il-medja bħala l-moħħ tar-reazzjoni Russa kontra dawn it-terroristi, reazzjoni li eventwalment laħqet il-qofol tagħha permezz ta’ diversi attakki fuq iċ-Ċeċnija li ħallew eluf ta’ nies innoċenti mejtin. Wara dawn l- attakki, Vladimir Putin minn politiku li ħadd ma kien jaf bih sar l-aktar politiku magħruf fir- Russja u s-suċċessur naturali ta’ Yelstin li kien qiegħed idaħħak lid-dinja bih meta kien ta’ spiss jidher quddiem il-medja f’sakra ma jarax art.

Rigward dawn l-attakki jeżistu ħafna allegazzjonijiet li qatt ma ġew ippruvati li dawn ma kienux ġew organizzati miċ-Ċeċenji iżda mis-servizzi sigrieti Russi sabiex jaġevolaw lil Putin u dan biex ikabbar il-popolarità tiegħu u eventwalment jieħu lir- Russja taħt idejh.

Il-Kleptokrazija

Putin sar il-President tar-Russja lejliet il-bidu tat-tieni millenju wara li Yeltsin irriżenja wara li jingħad li ngħata l-garanziji li ried mingħand Putin. 

Skont diversi rapporti maħruġin minn ġurnalisti leali lejn l-Oppożizzjoni Russa, filwaqt li jammettu li fir-Russja minn dejjem kien hemm ħafna korruzzjoni, dawn issostnu li kien Putin li għamel il-korruzjoni bħala l-mudell tat-tmexxija fil-livelli kollha tat-tmexxija madwar ir-Russja.

Skont dawn ir-rapporti, s-sistema magħrufa bħala kleptokrazija taħdem billi sabiex politiku jidħol f’xi kamra tad-deputati, huwa litteralment irid jixtri s-siġġu mingħand xi ħadd li diġa’ qiegħed fil-poter. Meta jkollu s-siġġu parlamentari f’idejh, huwa jista’ jieħu kemm irid tanġenti sabiex joħroġ permessi jew affarijiet oħra li jitolbuh il- kostitwenti. 

Matul is-snin li ilu President tar-Russja kemm b’mod dirett bejn 1999 u l-2008 u mill- 2012 l’ hawn u kemm meta kien id-de-factum mexxej tal-pajjiż meta kien poġġa lil Dimitri Medvedev bħala President u huwa kien il-Prim Ministru, wara li kienu għaddewlu ż-żewġ termini konsekuttivi li l-kostituzzjoni tippermettilu li jservi bħala President, Putin kien akkużat b’każijiet spettakolari ta’ korruzjoni. Forsi l-aktar każ li ħaregġ bi prominenza fil-medja tal-Punent kien dak tal-allegat bini ta’ palazz maestuż li jiswa kważi tlett mitt miljun dollari qrib il-Baħar l-Iswed. Putin minn dejjem ċaħad din l-akkuzża.

Jgħix fil-biża’?

Eżatt bħalma kien ġralu Yeltsin, ħafna esperti tal-politika Russa jsostnu li Putin hu mwerwer li xi darba jkun hemm xi suċċessur tiegħu bl-għodda neċessarji f’idejh sabiex ikun jista’ jinvestiga l-lista twila ta’ affarijiet suspettużi li ħarġu matul il-karriera tiegħu. Dawn jinkludu diversi allegazzjonijiet ta’ korruzjoni li minnhom semmejna biss xi wħud kif koll każijiet ta’ allegati assassinji u persekuzzjonijiet politiċi fil-konfront ta’ nies li azzardaw jikkonfrontaw lil Putin.

Però, filwaqt li Yeltsin kien jaf li għalih kien biżżejjed li jkollu garanzija mill-istess Putin għal ftit snin minħabba li kien jaf li huwa marid terminali, Putin, minkejja li llum għandu 69-il sena, huwa għadu b’saħħtu ħafna u żgur mhux sejjer jafda d-destin tiegħu u taż-żewġ uliedu bniet f’idejn xi ħadd ieħor. Għalhekk, minkejja li Putin huwa il-mexxej assolut tal-Kremlin, fl-istess hin huwa l-ostaġġ numru wieħed tal-istess binja. Rapporti ġurnalistiċi oħra jgħidu li Putin kien sejjer jirtira mill-politika lura fl-2012 u kien diġa kkonvinċa lil Medvedev biex jikkontesta għat-tieni terminu tal-Presidenza. Però, Putin kien biddel fehmtu fuq il-futur tiegħu meta kien ra x’kien ġara lil Gaddafi u  lil dittaturi oħra fir-Rebbiegħa Għarbija. Jingħad li dik il-ħabta, Putin fehem li huwa ma jistax jaffordja li jitlaq il-poter minn idejh. Kemm il-darba jagħmel hekk, Putin jaf jispiċċa maqful il-ħabs jew agħar minn hekk, katavru mbiċċer minn niesu stess bħalma  kien spiċċa Muammar Gaddafi. 

L-unika arma li baqgħalu Putin sabiex isalva ġildu hija dik li jirkeb fuq il-karru tal- patrijottiżmu li minn dejjem kellu l-poplu Russu għal art twelidu. Ħafna nies li ħadmu miegħu jgħidu li Putin għandu tendenza li jaġixxi bħall-ġurdien li jsib ruhu f’rokna. Meta jsib ruħu f’ċirkostanzi simili Putin jibda jattakka b’kull mezz possibbli. Min jaf jekk kinitx din ir-raġuni li attakka lill-Ukrajna. Min jaf jekk fl-Ukrajna Putin rax il- mezz ta’ kif jerġa’ jqajjem il-patrijottiżmu tal-ppoplu Russu u peremezz ta’ hekk isalva l-karriera politika tiegħu u forsi xi ħaġa aktar minn hekk?.

Ekonomija

Sport