Friday, December 13, 2024

Il-Moldova: Il-mira li jmiss ta’ Putin?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Kif jiġri dejjem meta tkun għaddejja gwerra, l-attenzjoni tal-midja internazzjonali tibda bil-mod il-mod iddur minn fuq il-manuvri militari għall-kwistjonijiet umanitarji li ġġib magħha kull gwerra. Il-gwerra tal-Ukrajna mhijiex eċċezzjoni f’dan l-aspett, u diġà bdejna naraw mijiet ta’ eluf ta’ Ukreni jaqsmu l-fruntieri ta’ pajjiżhom ma’ pajjiżi ġirien sabiex jaħarbu mill-qilla tal-armata ta’ Vladimir Putin. Wieħed mill-aktar pajjiżi li qiegħed jintlaqat ħażin minn din il-mewġa ta’ refuġjati mill-Ukrajna huwa l-pajjiż żgħir tal-Moldova li jinsab bejn l-istess Ukrajna u r-Rumanija.

Dan il-pajjiż, li bħall-Ukrajna la huwa membru tal-Unjoni Ewropea u lanqas tan-NATO, diġà qiegħed fix-xifer li jkollu kriżi ekonomika kbira bin-numru kbir ta’ Ukreni li daħlu ġewwa fih sabiex ifittxu refuġju. Però, mid-dikjarazzjonijiet li qiegħda tagħmel Maia Sandu, il-President tal-Moldova, l-aspett finanzjarju mhuwiex l-akbar inkwiet li għandu bħalissa dan il-pajjiż ta’ kważi 3,000,000 ruħ. Il-Gvern Molodovan qiegħed jibża’ bil-kbir li wara l-Ukrajna, Putin ser ikun qiegħed jinvadi wkoll lil Moldova. 

Mewġa kbira ta’ refuġjati

Kemm ilha li bdiet il-gwerra tal-Ukrajna, il-Gvern Moldovan qiegħed jgħid li daħlu kważi 300,000 refuġjat u refuġjata mill-Ukrajna fit-territorju Moldovan. Dan meta dan il-pajjiż huwa stmat li mhuwiex kapaċi jospita aktar minn 15,000 refuġjat. Tant hija kbira l-biża’, li dan il-pajjiż jgħaddi mill-istess kalvarju li għaddejja minnu bħalissa l-Ukrajna u jiġi invadut mir-Russja, li madwar 200,000 minn dawn l-Ukreni raw kif għamlu u telqu minn jeddhom lejn pajjiżi oħra, fosthom ir-Rumanija, wara li għamlu xi ftit jiem jgħixu fil-Moldova. Is-sitwazzjoni tar-refuġjati ġewwa l-Moldova, li diġà hija waħda drammatika, hija mistennija tiggrava bil-kbir kemm il-darbajseħħ dak li qiegħed jingħad li qiegħed jinħema mill-armata Russa fil-konfront tal-belt Ukrena ta’ Odessa, belt li tinsab qrib ħafna tal-fruntiera mal-istess Moldova. L-invażjoni ta’ din il-belt hija tant imminenti li t-truppi Ukreni diġà bdew jeqirdu kull pont li jgħaqqad dan it-territorju Ukren mat-Transmistra, li huwa territorju kkontrollat mir-Russi, kif sejrin naraw aktar ’il quddiem. Minħabba dan l-influss ta’ nies ġewwa t-territorju Moldovan, il-Gvern ta’ dan il-pajjiż, li bħall-Ukrajna kien jagħmel parti mill-Unjoni Sovjetika qabel din iffragmentat ruħha, qiegħed jitlob għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea kif ukoll qiegħed jitlob lil Brussell sabiex tibgħat lil Frontex, l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tieħu ħsieb il-fruntieri, sabiex jgħinuh jikkontrolla l-fruntieri tiegħu. Sa issa, l-Unjoni Ewropea ma tantx kienet ġeneruża ma’ dan il-pajjiż minħabba li kulma offriet kienu €15,000,000. Żgur li somma bħal din ftit sejra tkun ta’ għajnuna għal din l-emerġenza, aktar u aktar meta l-Moldova diġà qiegħda għarkupptejha finanzjarjament wara li għaddiet minn żewġ riċessjonijiet notevoli, bl-aħħar waħda tkun ikkaġunata mill-pandemija.

Invażjoni oħra mir-Russja?

Il-biża’ tal-poplu tal-Moldova li jkun it-tieni ġens li jiġi invadut mit-truppi ta’ Putin ġiet ikkonfermata li hija realistika minn diversi gvernijiet tal-Punent. L-ewwel u qabel kollox, is-sitwazzjoni politika attwali ġewwa dan il-pajjiż hija simili ħafna ta’ dik li kien hemm fl-Ukrajna ftit qabel l-invażjoni Russa. Bħal fil-każ tal-Ukrajna, fil-Moldova hemm minoranza notevoli ta’ nies li jitkellmu bir-Russu u li allura jafu jkunu leali lejn ir-Russja. Hemm ukoll moviment b’saħħtu favur sħubija sħiħa tal-Moldova mal-Unjoni Ewropea. Rapporti li qegħdin joħorġu mill-midja Rumena kif ukoll minn dik Pollakka, jgħidu li ġewwa l-Moldova diġà għaddejja kampanja minn taħt, orkestrata minn Moska, intiża sabiex toħloq l-inċertezza u l-paniku fost iċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż. Naturalment, qegħdin isiru diversi allegazzjonijiet li din l-istrateġija qiegħda tiġi implimentata minn xi ċittadini Moldovani li jitkellmu bir-Russu li semmejna aktar ‘il fuq.

Manuvri politiċi

Din it-theddida ta’ invażjoni mir-Russja wasslet sabiex isiru diversi manuvri politiċi drastiċi ġewwa l-Moldova. L-għatx għall-għajnuna mill-Unjoni Ewropea wassal sabiex fit-3 ta’ Marzu li għadda, il-Gvern Moldovan applika formalment sabiex dan il-pajjiż jissieħeb bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, din l-applikazzjoni ta’ sħubijja wasslet sabiex it-Transnistrija, li sal-1992 kienet reġjun li kien jagħmel parti mill-Moldova, u li wara gwerra ċivili qasira kien iddikjara ruħu bħala pajjiż indipendenti, talab għall-protezzjoni uffiċjali tar-Russja sabiex jibqa’ pajjiż indipendenti. Frankament, din it-talba kienet biss ta’ natura simbolika għaliex minbarra li ftit huma dawk il-pajjiżi li rrikonoxxew l-indipendenza tagħha, ġewwa fiha minn dejjem kien hemm il-preżenza tat-truppi Russi.

It-Transnistrija

It-Transnistrija taf tkun il-bażi li fuqha Putin jaf iġib xi skuża minn tiegħu sabiex jipprova jiġġustifika xi invażjoni prospettiva. Fil-fatt, ir-Russja diġà qabbdet difrejha ma’ din il-kwistjoni għaliex f’Novembru li għadda, Moska offriet lil Moldova kunsinja ta’ gass naturali bi prezz vantaġġjuż ħafna kemm il-darba huwa jirrikonoxxi l-indipendenza tat-Transnistrija, offerta li naturalment ġiet irrifjutata mill-Gvern Moldovan.

Il-preżenza tat-truppi Russi ġewwa t-Transnistrija għandha importanza strateġika kbira għall-gwerra tal-Ukrajna minħabba li hija indispensabbli kemm il-darba l-armata Russa tkun sejra tinvadi l-belt Ukrena ta’ Odessa. Ta’ min jgħid li ġewwa t-Transnistrija hemm l-akbar maħżen ta’ armamenti ġewwa l-Ewropa, armamenti li ilhom hemm mill-era Sovjetika. Studju militari li sar madwar għaxar snin ilu jgħid li splużjoni ta’ dan il-maħżen ikollha l-qawwa tal-bomba atomika li kienet qerdet il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Minkejja li għadu ma hemm xejn ċert, u kien hemm saħansitra xi taħdidiet minn politiċi Russi li qiegħda tinħema l-invażjoni tal-Moldova, ritratti ta’ mapep militari tal-armata tal-Belorussja, l-alleata tar-Russja, juru biċ-ċar pjanijiet ta’ rotot ta’ numru massiv ta’ truppi diretti lejn il-Moldova. Wara dak li ġara lill-Ukrajna, minn Putin wieħed ma jista’ jeskludi xejn f’dan l-istadju.

Ekonomija

Sport