Tuesday, April 30, 2024

L-aktar kampanja elettorali diffiċli għal Evarist Bartolo

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-Unjoni Ewropea u s-sehem tagħha f’dawn iż-żminijiet xejn sbieħ, ir-rwol tal-mara fis-soċjetà tal-lum u l-qasam tal-edukazzjoni kienu temi li trattajna mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’intervista li dan il-ġurnal għamel miegħu fl-aħħar jiem.

IL-MARA

Il-Ministru Bartolo fakkar kemm minkejja li qed matul is-snin issaħħet il-qagħda tan-nisa fis-soċjetà tagħna, xorta fadal aktar xi jsir biex jiżdied is-sehem tan-nisa fil-politika u fit-tmexxija tal-pajjiż u fejn jaħdmu. Lura fis-snin grazzi għall-ħidma tal-Partit Laburista, il-mara ngħatat il-kisba tal-vot 74 sena ilu, peress li qabel kienu jivvutaw biss l-irgiel ta’ skola jew li kellhom professjoni tajba. Hawnhekk il-Partit Laburista ħadem sabiex ikun hawn ugwaljanza sħiħa fejn kulħadd jingħata dritt li jesprimi ruħu permezz tal-vot, nisa u rġiel, ħaddiema u nies tal-flus.

“Fil-parlament tara ħafna ministri u deputati rġiel u għalkemm in-nisa żdiedu u qed jingħataw fiduċja sħiħa, xorta għad fadal ħafna sabiex naraw aktar parteċipazzjoni femminili.”

Evarist Bartolo semma’ kemm hawn nisa madwar id-dinja li qegħdin isofru fis-silenzju fosthom dawk fil-gwerra tal-Ukrajna fejn qed ikollhom jitilqu lil żwieġhom u flimkien mat-tfal tagħhom ifittxu kenn fi mkejjen oħra. Ħafna nisa oħra jbatu l-ġuħ mal-famiji tagħhom u ħafna jithallew barra mill-edukazzjoni.

NESA L-INTERESSI PERSONALI TIEGĦU

Evarist Bartolo se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu fuq l-għaxar u t-12-il distrett. Għalih din se tkun it-tmien elezzjoni ġenerali tiegħu mindu jikkontesta b’suċċess dik tal-1992. Il-Ministru Bartolo qal li din il-kampanja elettorali hija waħda diffiċli personalment għalih minħabba l-impenn tiegħu ta’ Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-aktar issa fi żmien meta għaddejja anki l-gwerra fl-Ukrajna.

“F’dan iż-żmien ta’ kampanja elettorali iktar qed naħdem bħala ministru tal-affarijiet barranin milli ta’ kandidat fl-għaxaru fit-tnax-il distrett. Fis-sens li bħalissa kif inhu xieraq qed isiru laqgħat kontinwi bejn il-ministri tal-Affarijiet Barranin u jien inħoss ir-responsabbiltà li nagħti sehmi u nwassal il-lehen ta’ Malta, anki għax aħna wieħed mit-tliet pajjiżi newtrali fl-Unjoni Ewropea, imma newtrali militarment għax il-bqija aħa favur is-sovranità nazzjonali, l-indipendenza u soluzzjonijiet paċifiċi u diplomatiċi għat-tilwim u aħna kontra l-gwerer.”

UKRENI U RUSSI F’MALTA

Il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-kuntatt li jżomm mal-komunitajiet Ukreni u Russi li jgħixu Malta.

“Kif nafu f’Malta hawn numru kbir ta’ ċittadini Ukreni u anke Russi u għalhekk nemmen li hi responsabbiltà tiegħi li nipproteġi s-sigurtà tagħhom anki fi gżiritna u li jkun hawn il-paċi fostna u ma jsirux diskorsi ta’ firda u mibegħda lejn l-ebda nazzjonalità. Poplu sħiħ m’għandux jeħel x’jagħmlu l-mexxejja tiegħu. Hemm ukoll Ukreni li qed jitolbu sabiex iġibu lill-familjari tagħhom hawnhekk u aħna qed ngħinu mill-aħjar li nistgħu.”

Il-Ministru Bartolo faħħar il-ħidma li qed tagħmel l-Ambaxxatriċi Maltija fil-Polonja b’risq ir-refuġjati li qed jaslu mill-Ukrajna.

“L-intervent tal-ambaxxatriċi tagħna fil-Polonja qed ikun importanti wkoll għax b’hekk nistgħu naħdmu aħjar. Tajna wkoll is-sehem tagħna sabiex Maltin li kienu maqbuda hemmhekk f’ambjent ostili ta’ gwerra, jiġu lura pajjiżna sabiex ikunu qrib il-familjari tagħhom.”

Il-Ministru Bartolo tenna li għalkemm din il-gwerra hi ferm ‘il bogħod minn pajjiżna, xorta waħda se tolqotna fl-aħħar mill-aħħar minħabba diversi prodotti li niddependu fuqhom fosthom l-enerġija, l-ikel, il-qamħ, l-għalf għall-bhejjem, metall u microchips. 

STRUMENT TA’ PAĊI

Lill-Ministru Bartolo staqsejtu jekk Malta tistax tkun pont ta’ paċi bejn il-pajjiżi f’mument fejn id-dinja reġa’ għaddejja minn kunflitt li għalkemm hu ristrett bejn żewġ pajjiżi xorta waħda jinħass kullimkien.

“Jekk inħarsu lejn ix-xena internazzjonali naraw li Malta dejjem tipprova tkun strument tal-paċi kull meta jkun hemm ċerti taħditiet. Storikament aħna pajjiż newtrali skont il-kostituzzjoni u filwaqt li nagħtu appoġġ u għajnuna, qatt m’għandna nkunu alleati militarment ma’ pajjiż u neħduha fi gwerra kontra ieħor. Ir-rwol kien dejjem dak ta’ medjazzjoni u djalogu ma’ kulħadd. Fil-fatt aħna ma bagħatna l-ebda armi lejn l-Ukrajna waqt li kkundannajna l-invażjoni ta’ Putin iżda qed nagħtu l-għajnuna umanitarja tagħna permezz ta’ mediċini u provvisti tal-ikel.

Il-Ministru Bartolo iddeskriva dak li għaddej fl-Ukrajna bħalissa ksur tal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda favur li pajjiż imexxi lilu nnifsu u jagħżel il-ħajja tiegħu bla jhedded pajjiżi ohra. Aħna favur li jkun hawn sigurtà fl-Ewropa: għal kulħadd, inkluż ir-Russja u l-Ukrajna. “B’rieda tajba nistgħu nibnu sigurtà fejn kull pajjiż jgħix fil-paċi mal-ġirien tiegħu bla biża’ li xi pajjiż kbir se jibilgħu jew li xi pajjiż ieħor jew alleanzi ta’ pajjiżi jheddu pajjiż iehor.”

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li jammira ħafna lill-Ministru żagħżugħ tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba għall-kalma kuraġġuża li għandu minkejja li qed jgħix f’tensjoni kontinwa f’pajjiż fi gwerra, xorta jsib il-ħin jibqgħu f’kuntatt ma’ xulxin.  “Lil Kuleba sirt nafu daqs sena ilu, konna iltqajna Antalya. Sirna ħbieb. U meta bdiet il-gwerra bqajna nitkellmu. Nibgħatlu messaġġi u jweġibini kull darba. Bilkemm qed jorqod sagħtejn kuljum. Apprezza ħafna l-appoġġ li Malta tat lil pajjiżu, lil niesu li jinsabu fostna. ”

Il-Ministru Bartolo jgħid li anki jekk aħna pajjiż ċkejken u waħedna żgur ma nistgħux ninfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ pajjiżi ferm akbar u b’saħħithom iżjed minna xorta nagħtu s-sehem umli tagħna favur li tinstab soluzzjoni paċifika. “Bqajt f’kuntatt ma’ esponenti Russi u Ukreni iżda anke maċ-Ċiniżi u l-Indjani. L-appell tiegħi kien dejjem wieħed; dak li jpoġġu bilqiegħda u jsolvu l-kunflitt ta’ bejniethom bid-djalogu u diskussjoni. Jekk ikun hemm rieda tajba jista’ jinstab ftehim kif pajjiżi ġirien jgħixu ħdejn xulxin bla jkunu theddida u bla jkunu maħkuma minn pajjiżi akbar minnhom. Ma naqbilx li Putin għandu jiddetta lill-Ukrajna. Fl-istess ħin nemmen li l-Ukrajna tista’ tasal fi ftehim mar-Russja biex ma tinhassx li tkun tkun theddida għaliha jew li xi had jinqeda biha biex tkun ta’ theddida ghar-Russja. Imma żgur ma naqbilx li nuqqas ta’ ftehim kellu jwassal ghal invażjoni, il-qerda ta’ ħafna mill-pajjiż u t-tbatija u miljuni jitilfu djarhom u jaħarbu mill-pajjiż u eluf se jkomplu jbatu u fuq kollox imutu persuni innoċenti li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dan kollu.”

L-AQWA ARMA TA’ MALTA

Il-Ministru Bartolo huwa kontra l-gwerer għax bil-gwerra u l-vjolenza jirbaħ min hu l-aktar b’sahhtu u mhux bilfors dak li ghandu raġun. Bħala pajjiż żgħir aħna żgur mhux favur il-liġi tal-ġungla, aħna favur il-liġi internazzjonali li torbot kemm lill-pajjiżi l-kbar kif ukoll dawk żgħar. Għalhekk aħna kontra li tintuża l-forza biex pajjiż iġiegħel lil pajjiż ieħor x’għandu jagħmel.

Il-Ministru Bartolo iħobb jirrakkonta favur liema tip ta’ arma hu u tkellem dwar dan pubblikament meta kien waqt zjara l-Libja: “Darba minnhom għedtilhom li Malta għandha arma li tista’ tkun bżonnjuża għal-Libjani. Dak il-ħin kollha daru lejja u staqsewni x’arma se noffrilhom. Weġibthom li Malta kienet qed toffri l-arma tal-edukazzjoni, xi ħaġa li hi ferm effettiva sabiex tasal għall-paċi. ”

Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li bħala pajjiż, Malta tisħaq  li titkellem ma’ kulħadd, ma nżommu ma’ ħadd u kulħadd jista’ jkun ħabib tagħna. F’pajjiż bħal-Libja fejn hemm politiċi miġġielda ma’ xulxin, aħna nkellmuhom kollha u mhux inżommu ma’ wieħed kontra l-ieħor. L-istess fil-Lvant tal-Mediterran fejn hemm relazzjonijiet ta’ tensjoni bejn it-Turkija, il-Greċja, l-Egittu u Ċipru. Waqt li naqblu mad-deċiżjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda, ma nżommux ma’ xi pajjiż kontra ieħor u meta niltaqgħu magħhom dejjem inħeġġuhom biex it-tilwim ta’ bejniethom jippruvaw jilħqu kompromess fuqu flok jiġġieldu u jużaw il-forza u l-vjolenza.

“Anki fil-Golf Għarbi meta kien hemm inkwiet bejn il-ġirien, tkellimna magħhom kollha u mhux żammejna ma’ wieħed kontra ieħor. Nemmen li fil-Golf nistgħu nsaħħu r-rabtiet kummerċjali magħhom fl-oqsma tal-enerġija, il-produzzjoni tal-ikel, il-mediċinali, l-investiment u t-turiżmu.”

L-EDUKAZZJONI

Tkellimna wkoll ma’ Evarist Bartolo dwar il-qasam tal-edukazzjoni, suġġett tant għal qalbu peress li għamel snin twal bħala ministru f’dan il-qasam tant importanti u li s-suċċessi tiegħu f’dan il-qasam, fosthom it-taħlit tal-bniet u s-subien fl-edukazzjoni sekondarja, l-inizjattiva one tablet per child, is-servizz ta’ childcare b’xejn, it-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskola, il-ftuħ ta’ skejjel ġodda, it-twaqqif tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, l-estensjoni tal-MCAST, l-inizjattiva My Journey fost l-oħrajn għadhom jinħassu sal-lum. 

Evarist Bartolo qalilna li personalment hu minn dejjem kien edukatur li beda l-karriera tiegħu saħansitra billi jgħallem fil-kindergarten fi Sqallija u għallem ukoll f’kull livell: minn dak primarju għal dak universitarju. Faħħar lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jagħtih importanza kbira lill-edukazzjoni ghax hi l-aqwa għodda biex pajjiżna jkomplix jinbidel u l-poplu jkollu l-ħiliet meħtieġa u l-valuri li għandna bżonn għall-ħolqien tal-ġid u t-tqassim ġust tiegħu. 

Ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, l-aħħar appell ta’ Evarist Bartolo kien ċar. “Użaw il-vot bl-aqwa mod possibbli. Ftakru kemm missirijietna rsistew sabiex wieħed ikollu d-dritt tal-vot. Int għandek dan id-dritt, titilfux u ara li twettqu bl-aqwa mod possibbli. Għandek id-dmir biex tinfluwenza min se jmexxi lill-pajjiż għas-snin li ġejjin.”

“Finalment ma nistax ma nsemmix lil Robert Abela, il-Prim Ministru ta’ Malta li f’dawn is-sentejn għadda minn maltemp wara l-ieħor iżda baqa’ sod u ħafna huma konvinti li ġaladarba mexxiena b’tant għaqal waqt il-maltemp f’dawn is-sentejn li għaddew ifisser li hu kapaċi jmexxina fil-maltemp li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.” ikkonkluda Evarist Bartolo.

Sport