Saturday, December 21, 2024

IL-MONUMENTI TAL-IMGĦODDI

Aqra wkoll

Nifhem l-ilmenti ta’ dawk li xejn ma togħġobhom il-prominenza li jieħdu fostna monumenti li jirriflettu l-passat kolonizzat ta’ Malta. L-istess qed jiġri f’diversi pajjiżi oħra fir-rigward ta’ monumenti miruta li jidhru qed jiċċelebraw lill-eks-kolonizzaturi u l-ħidmiet tagħhom ta’ skajvitu u diskriminazzjoni razzjali.

Il-problema hi li kif uħud semmew, il-biċċa l-kbira tal-istorja Maltija seħħet taħt ħakkiema barranin. Diffiċli telimina l-monumenti u l-fdalijiet li ħallew warajhom mingħajr ma titlef kull sens ta’ kif żviluppat din l-art. Bil-“ħażin” u bit-“tajjeb” tagħhom, it-tifkira tal-kolonizzaturi/ħakkiema, irridu jew ma rridux, hi parti mill-identità nazzjonali.  

Min-naħa l-oħra, hu minnu wkoll li ftit li xejn sar biex jingħataw għarfien aħjar individwi Maltin li qanqlu kuxjenza dwar il-qagħda tal-ġens Maltin maqbud fi tnalja kolonjali jew ta’ ħakma minn barra. Jissemmew l-aktar dun Mikiel Xerri, Mikiel Anton Vassalli u b’timbru differenti, Manwel Dimech. Imma jeżistu oħrajn? Iva.

IL-FINANZI TAL-EWROPA

Kemm trid tagħmel affarijiet l-Unjoni Ewropea? 

Trid tkompli ssegwi sal-aħħar l-istrateġiji li mexxiet fl-aħħar snin biex tippromwovi d-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa u permezz tal-“Green Deal” biex tikkumbatti t-tisħin tal-klima. Trid iżżid l-għajnuniet lill-bdiewa u r-raħħala li qed jintlaqtu ħażin minn aspetti diversi tal-politika tagħha. Trid issostni u tkabbar l-għajnuniet li qed tagħti lill-Ukrajna fil-gwerra tagħha kontra r-Russja. Trid tkompli tħallas għall-politika tal-immigrazzjoni li dwarha m’hemmx qbil. 

 U waqt li żżomm għaddejja l-programmi l-oħra infrastrutturali u soċjali “regolari”, biħsiebha ddaħħal politika ta’ difiża b’impenji kbar ġodda għax-xiri ta’ armamenti u munizzjon u għat-tagħmir ta’ armati akbar.

Imma minn fejn ġejjin il-flus għal dan kollu?

L-ideat biex jinstabu fondi ġodda għall-budgets Ewropej ma tantx huma folti. Biex il-proġetti kollha li qed jissemmew jistgħu jiġu finanzjati x’aktarx li s-soluzzjoni jkollha tkun li jitnaqqsu l-impennji għall-proġetti eżistenti ħalli jinstabu fondi għal kollha.

QED INĦARSUHA TAJJEB?

Id-diskors dwar in-newtralità ta’ Malta żdied fl-aħħar ġimgħat. Kif ma setax jonqos bil-pjani tal-Unjoni Ewropea biex tiżviluppa f’alleanza militari ta’ difiża. Malta bħala membru tal-Unjoni imma wkoll pajjiż newtrali skont il-kostituzzjoni tiegħu, qed titpoġġa quddiem dilemma b’dak li jinsab għaddej. 

X’se jkun is-sehem tal-pajjiż f’li qed jitkewwes fi Brussell? X’għandha tkun il-pożizzjoni tagħna meta fi ħdan l-Unjoni jitqajmu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ difiża?

Għalija u għal min jaħsibha bħali m’hemmx dubju: irridu nħarsu akkost ta’ kollox in-newtralità tal-pajjiż. Kif se nagħmluha bl-aħjar mod? – dik hi l-mistqosijia li rridu nirrispondu fiċ-ċar.

Mistoqsija oħra li rridu naffaċċjaw hi – Sa issa, ħarisniha u qed inħarsuha tajjeb biżżejjed in-newtralità?

Ekonomija

Sport