Saturday, October 26, 2024

“Il-MP għandhom ikunu konċiżi fid-diskorsi tagħhom”

L-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-ftuħ tal-parlament wara l-vaganzi tas-sajf

Aqra wkoll

Illum tkompli l-ħidma tal-Parlament Malti wara l-vaganzi tas-sajf bl-aħħar seduta kienet dik tas-sitta ta’ Lulju, is-seduta li fiha ġew approvati l-emendi fil-liġi tal-IVF. 

F’kumment li ta lil talk.mt b’rabta ma’ dan ir-ritorn, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qalilna li ovjament wara s-sajf ikun hemm diversi dokumenti li jinġemgħu minħabba li anke jekk l-amministrazzjoni tibqa’ għaddejja bil-ħidma, il-plenarja ma tiltaqax. Huwa spjega li jkun hemm ħafna rapporti ta’ interess nazzjonali li importanti li jkunu għall-konsum ta’ kull membru parlamentari u għalhekk għada jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra mis-Sedja. Wieħed jistenna li wara l-waqfa tas-sajf din il-lista ta’ rapporti tkun waħda twila. Farrugia spjega li dan kollu jsir qabel il-ħin dedikat għall-mistoqsijiet sakemm finalment il-parlament jgħaddi għall-aġġornament tal-Kamra.

Mistoqsija minn dan is-sit dwar x’jistenna mill-Membri Parlamentari taż-żewġ partiti, Farrugia beda biex jirringrazzjahom għax-xogħol kollu li sar f’aktar minn 30 seduta wara li l-parlament fetaħ wara l-elezzjoni ġenerali. Fakkar li r-riżultat ta’ din il-ħidma tinsab irreġistrata minħabba li l-Parlament Malti jinsab meqjus fost l-aqwa parlamenti effiċċjenti fost is-27 stat membru. 

“Nissuġġerixxi li fejn hu possibbli, dak li jkun jieħu inqas ħin biex jgħid dak li għandu xi jgħid, nippruvaw nimxu magħha biex il-ħin jiġi kkunsmat aħjar b’tali mod li nindirizzaw il-punti saljenti fid-diskors ħalli kemm jista’ jkun ikun hemm parteċipazzjoni minn kulħadd anke f’parlament daqstant kbir”, kompla l-Ispeaker f’appell lill-membri parlamentari li llum jirritornaw biex jirrappreżentaw lill-poplu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Rigward il-privileġġ parlamentari, l-Ispeaker sostna li dan m’għandux jitneħħa anzi għandu jibqa’ hemm. Madanakollu huwa qal li jemmen li għandu jkun hemm mekkaniżmu parlamentari, li hu stess diġà kiteb dwaru, għamel rapporti dwaru u tkellem diversi drabi dwaru fejn min jabbuża mill-privileġġ parlametari jkun hemm sistema fejn persuna li tkun suġġett, l-Ispeaker jidħol fil-każ, jara jekk dak li ntqal ikunx minnu jew le, iktar u iktar meta jkollok rapport minn ċittadin normali illi fil-konfront tiegħu ikun sar diskors illi hu jaħseb li ma jkunx veritier jew aktar u aktar ikun mimli kanunji. Farrugia qal li ċittadin normali għandu dritt tas-silenzju u jkollha proċedura fil-Qorti u għandu dritt li jitlob protezzjoni. 

“Naħseb li hemmhekk kull Speaker għandu jkollu s-saħħa, jekk mhux hu, anke l-kumitat tal-Kamra, biex jinvestiga dak li ntqal lil persuna parlamentari fil-parlament u jekk ikun abbuża jkun irid jew jirtira kollox jew l-Ispeaker ixandru ma’ kulħadd li dan huwa gideb u dan milli qal mhux veru fil-konfront ta’ dik il-persuna jew kumpanija”, Tenna jgħidilna Farrugia

Il-ħidma tkompli skont kif pjanat

Intant fis-seduta tal-lum mistennija tkompli d-diskussjoni tat-tieni qari fuq numru ta’ abbozzi fosthom: 

– Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplożivi u l-Liġijiet Varji dwar il-Protezzjoni Ċivili

– Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u Liġijiet oħra dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

– Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd

– Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonal

– Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja

– Abbozz ta’ Liġi li li jemenda l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa

– Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi tal-Kummerċ

– Abbozz ta’ Liġi ta’ Qabel l-Insolvenza

– Abbozz ta’ Liġi dwar il-Prattikanti fl-Insolvenza

Ippreżentati għall-ewwel qari

-Abbozz ta’ Liġi li jkompli jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili

-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Money Laundering

-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Monitoraġġ Elettroniku

Sport