Wednesday, April 24, 2024

“Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”

Aqra wkoll

Dan l-aħħar hekk kif qed noqorbu lejn il-Baġit bdew jissemmew diversi ċifri ta’ kemm fadal tingħata taxxa dovuta lill-awtoritajiet u kemm inġabret s’issa. Ingħad ukoll li bit-taxxa fuq id-dħul, VAT u sigurtà soċjali pendenti mill-kumpaniji l-pajjiż jiflaħ jiġġenera biżżejjed flus mingħajr ma jitfa’ piżijiet ġodda fuq in-nies. Dawn il-ħlasijiet hemm minnhom li ilhom snin twal dovuti.

Iżda dawn il-flejjes enormi jridu jingħataw mill-aktar fis u ħadd ma joqgħod idur mal-lewża u jara kif jista’ jiskartahom jew iġebbed iż-żmien għal għomru. 

Id-Dipartiment tat-Taxxa qed jibgħat għal kull min mhux iħallas il-kontri­buzzjoni soċjali, il-VAT jew it-taxxa tad-dħul biex jilħaq arranġament u jħallas it-taxxa pen­denti. Fi ftit kliem qed jiġri wara min qed jipprova jabbuża bi ħsieb biss kif se jevita t-taxxi li għandu l-obbligu li jħallsu. Dan il-proċess għandu jkun infurzat fuq kulħadd. Il-kwistjoni tal-evażjoni tat-taxxa qed tiġi indirizzata għall-benefiċċju tan-nazzjon kollu. Flejjes li jgħinu lill-Gvern jibqa’ jġorr il-piż taż-żieda fil-prezzijiet taċ-ċereali u l-enerġija.

Barra hekk, jekk se nitkellmu fuq il-kontribuzzjoni ta’ sigurtà soċjali nkunu qed nipperikolaw is-sostenibbiltà tas-sistema tagħna. Dawn huma flejjes li nqatgħu lill-impjegat iżda ma jgħaddux lill-istat.

Kif kien qal darba Ġesù meta ntbagħtu xi Fariżej u staqsewh: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? Għandna jew ma għandniex inħallsuha?” U hu weġibhom: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”

Proprju din is-sena nġabru mal-€120 miljun minn kumpaniji li ma kinux ħallsu t-taxxa dovuta lid-Dipartiment tat-Taxxa. Hekk kif apparti s-self employed, ikun hemm kumpaniji li jqarrqu bil-ħaddiema tagħhom, li jinqatgħulhom it-taxxa kif suppost mid-dħul tagħhom, iżda l-kumpaniji jonqsu milli jħallsuhomlhom jew jiġbru l-VAT u ma jgħadduhiex. Sitwazzjoni aktar gravi u qarrieqa!

Il-Ministru Clyde Caruana f’inter­vista li saritlu l-ġimgħa li għaddiet qal li “Ma jagħmilx sens li jkollok kumpaniji li jiddikjaraw telf jew li la għamlu profitt jew telf u fl-istess waqt jibqgħu jimpjegaw iktar ħaddiema. Proprju fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija meta t-tkabbir ekonomiku kien ta’ 6%, mal-40% tal-kumpaniji biss iddikjaraw li għamlu profitt.”

Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa m’għandhiex tfisser l-inkoraġġiment tal-evażjoni tat-taxxa. 

Hekk kif joqrob il-Baġit kulħadd jibda jistenna li l-gvern ma jżidx it-taxxi u li ma jintroduċiex l-ebda taxxa ġdida u lanqas fil-futur prevedibbli. Iżda nistgħu nagħmlu dan peress li hemm biżżejjed riżorsi, li sfortunatament mhux kollha qegħdin jidħlu fil-kaxxa tat-taxxa. 

Għalhekk kif jgħid il-Malti, la inti ma tridx li tiżdidlek l-ebda taxxa jew li ma tiġix introdotta xi waħda ġdida fil-ġranet li ġejjin, ħu ħsieb agħti dak li inti dovuta tagħti wkoll. 

Sport