Tuesday, April 23, 2024

MAFA: Swieqi Braves jirbħu l-isfida kontra Balluta Barracudas

Aqra wkoll

It-tim promoss ta’ Swieqi Braves kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA meta fil-partitissima li ntlagħbet fil-grawnd ta’ Marsaxlokk huma għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 1-0.

Kienet logħba ferm akkanita bejn żewġ timijiet li kellhom il-mumenti tagħhom u bi Swieqi li kellhom tim prattikament ġdid bl-inklużjoni ta’ diversi plejers Brażiljani.

Il-gowl li ddeċieda l-partita ġie skorjat fit-52 minuta permezz ta’ Felix Silva Roberty li b’xutt tajjeb għeleb lill-gowlkiper ta’ Balluta.

Il-Cudas ippruvaw jerġgħu jidħlu fil-partita iżda bejn l-isfortuna u bejn il-bravuri tal-gowlkiper ta’ Swieqi, ir-riżultat baqa’ ma nbidilx.

Referee: Peter Abela

F’logħba mimlija gowls, Valletta Stars għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 4-2.

Il-Beltin għarfu jieħdu vantaġġ li jiskorjaw fil-mumenti kruċjali tal-partita.

Lanqas laħqu għaddew 17-il sekonda u Valletta Stars marru minn fuq permezz ta’ Jon Andoni Fernandes.

Erba’ minuti wara, Pedro Mateos għamilhom 2-0 b’Ta’ Ġiorni li dehru ferm konfużi minn dan il-bidu hekk kbir tal-avversarji tagħhom.

Fit-13-il minuta, il-Wanderers dehru li sabu saqajhom fil-grawnd hekk kif naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Edward Micallef Stafrace għalkemm Jon Andoni Fernandes skorja doppjetta personali u t-tielet gowl għat-tim tiegħu sabiex l-ewwel taqsima għalqet 3-1 favurihom.

Fit-tieni taqsima, Valletta Stars baqgħu jiskorjaw hekk kif fit-43 minuta l-iskor sar 4-1 wara li Isaac Bonello skorja mill-viċin.

Samuel Barthet għamel l-iskor aktar rispettabbli għal Ta’ Ġiorni Wanderers.

Referee: Jason Penza
Żabbar Southsiders bdew bl-aħjar mod possibbli l-istaġun 2022/23 wara li għelbu lil Gudja Wanderers 2-1.

Il-partita tista’ tgħid li ġiet deċiża fl-ewwel għoxrin minuta logħob hekk kif iż-Żabbarin stabilixxew vantaġġ ta’ żewġ gowls skorjati minn Luke Cachia u James Cauchi.

Fit-tieni taqsima, Gudja bdew jittantaw iktar xortihom lejn il-lasti difiżi minn Kevin Mercieca li kellu jbaxxi rasu biss żewġ minuti minn tmiem il-konfront meta Andrew Caruana naqqas il-marġni tal-iskor. Madankollu kien tard wisq biex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Naxxar Victorians għelbu lil Birkirkara St Joseph 2-1 sabiex ħadu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Wara taqsima fejn ma kellniex gowls, Naxxar marru minn fuq fil-41 minuta permezz ta’ Fabrizio Farrugia, bl-istess plejer jirdoppja l-iskor għaxar minuti wara.

Birkirkara St Joseph naqqsu l-marġni tal-iskor eżatt qabel tmiem il-partita permezz ta’ Anthony Darmanin.

Referee kienet Elaine Bonnici.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Fgura Spartans bdew bl-aħjar mod possibbli hekk kif għelbu lid-debuttanti Ħamrun Amateurs 2-1.

Il-partita ġiet deċiża fl-ewwel għoxrin minuta fejn ġew skorjati tliet gowls.

Fgura ġew maħsuda hekk kif wara biss minuta l-Ħamruniżi marru minn fuq permezz ta’ Andriy Camilleri.

Minkejja kollox, il-Fgurin żammew kalmi u dawwru telfa f’rebħa bl-eroj tagħhom ikun Hajy Semu Maher li f’temp ta’ erba’ minuti skorja żewġ gowls u ta l-ewwel tliet punti tal-istaġun għat-tim tiegħu.

Referee kien Lorry Sammut.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars, Naxxar Victorians, Żabbar Southsiders, Swieqi Braves 3, Gudja Wanderers, Birkirkara St Joseph, Swieqi Braves, Ta’ Ġiorni Wanderers 0

KLASSIFIKA MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Fgura Spartans 3, Ħamrun Amateurs, Attard Edex Kings, Gżira United Sports Club, Buġibba Club de Swat, Għaxaq Wolves 0

Sport