Monday, November 4, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba attiv fin-negozjati li wasslu għal ftehim ġdid dwar ir-Roaming

Aqra wkoll

Inizjattiva minn grupp ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew fejn il-MPE Alex Agius Saliba huwa negozjatur ewlieni se twassal għal estensjoni tat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming fl-Unjoni Ewropea.

Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista kienu fuq quddiem nett fl-isforz biex jitnaqqsu l-ostakli għall-moviment liberu kkawżati mit-tariffi tar-roaming. Huma kienu involuti fil-gruppi ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew li wasslu għat-tnaqqis inizjali fit-tariffi tar-roaming fl-2007, it-tneħħija tar-roaming fl-2017 u issa, permezz tal-MPE Alex Agius Saliba, fil-ftehim il-ġdid dwar ir-roaming li għandu jidħol fis-seħħ ix-xahar id-dieħel.

Telefonata lejn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea kienet tiswa lir-residenti Maltin bejn EUR 4 u EUR 9 qabel l-ewwel ftehim dwar ir-roaming, minn 3 sa 5 darbiet aktar mill-ispejjeż imġarrba mill-operaturi biex jipprovdu s-servizz tar-roaming. Il-konsumatur Malti medju jagħmel madwar 20 minuta ta’ telefonati fix-xahar waqt ir-roaming, u għalhekk qed jiffranka bejn EUR 60 u EUR 100 fix-xahar bis-saħħa tal-interventi tal-MPE Laburisti, li l-isforzi tagħhom ipproteġew lill-konsumaturi u pproduċew gwadann nett għas-soċjetà. 

Il-ftehim il-ġdid dwar ir-roaming tfassal mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew fejn il-MPE Agius Saliba ilu negozjatur ewlieni mill-2019. In-negozjati li bdew fl-2021 wasslu għal ftehim ġdid li se jkun validu għal 10 snin. Il-ftehim il-ġdid jinkludi diversi benefiċċji ġodda addizzjonali minbarra l-estensjoni tat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming.

L-istudji wrew li l-konsumaturi spiss jesperjenzaw tnaqqis fil-veloċita’ meta jużaw id-data mobbli tagħhom barra minn pajjiżhom. Il-ftehim il-ġdid dwar ir-roaming jistipula li l-operaturi tal-mowbajl għandhom jiggarantixxu l-istess livell ta’ servizz fil-pajjiż tar-roaming kull fejn ikun possibbli. Il-klijenti li jħallsu għall-internet 5G f’pajjiżhom se jkunu intitolati li jiksbu dan is-servizz kull fejn dan ikun disponibbli. Il-konsumaturi issa se jiġu avżati wkoll kull meta japplikaw rati addizzjonali, bħal meta jċemplu n-numri tas-servizz għall-klijenti jew meta jużaw il-mowbajls tagħhom biex jaqbdu ma’ servizzi bbażati fuq is-satellita. Il-konsumaturi se jkunu infurmati aħjar ukoll dwar id-disponibbiltà tan-numri ta’ emerġenza, inkluż dwar servizzi mfassla apposta għal individwi bi bżonnijiet speċjali. 

Il-MPE Agius Saliba enfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej.  “Jien kburi li kont negozjatur ewlieni f’dan il-pakkett ġdid ta’ drittijiet tal-konsumatur. Il-konsumaturi Maltin se jkomplu jgawdu l-istess tariffi meta jżuru pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u se jkunu garantiti wkoll drittijiet miżjuda, bħal li jkollhom l-istess veloċità tal-internet li jgawdu f’Malta”.

Sport