Friday, November 8, 2024

Il-MPE Cutajar fdata b’ħidma ġdida biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi permezz ta’ liġi dwar l-interoperabbiltà

Aqra wkoll

Il-MPE Josianne Cutajar inħatret bħala in-Negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) tal-Parlament Ewropew, fuq l-Att Ewropew għall-Interoperabbiltà. Din il-liġi ser ittejjeb id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fl-Ewropa, anke permezz tat-titjib fil-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi u s-sistemi pubbliċi differenti.

Fl-aħħar mill-aħħar, se tipprovdi servizz aqwa u bla xkiel liċ-ċittadini li jfittxu servizz b’setturi u postijiet differenti.

“Ilkoll nistgħu niggwadanjaw permezz ta’ servizzi pubbliċi li jistgħu jikkomunikaw, jikkooperaw u jaħdmu flimkien biex jipprovdu servizzi aħjar”, qalet Cutajar. Bl-interoperabbiltà kollox isir aktar aċċessibbli minn punt wieħed; mill-applikazzjonijiet u t-tiġdid tal-passaporti online, għall-mili tal-formoli tat-taxxa u l-aċċess għall-benefiċċji tal-familja, dan l-Att se jnaqqas l-ispejjeż, iż-żmien ta’ stennija u l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji.

L-innovazzjoni fid-dominju pubbliku għandha l-potenzjal li mhux biss tagħmel is-servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli, anke għal dawk l-aktar żvantaġġati, għall-anzjani u ċ-ċittadini li għalihom vjaġġ lejn l-uffiċċju tal-amministrazzjoni lokali jaf ikun diffiċli, iżda se tagħmilhom aktar affidabbli u effiċjenti. Fl-istess ħin, dan il-proċess jista’ joħloq opportunitajiet ġodda ta’ negozju għall-kumpaniji tat-teknoloġija u startups, li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

“B’mod ġenerali, din il-liġi se twitti t-triq għal diġitalizzazzjoni aktar effiċjenti u aċċessibbli tas-servizzi pubbliċi fl-Ewropa, proċessi amministrattivi aktar mgħaġġla u inqas ħin moħli għalina lkoll” ikkonkludiet Dr Josianne Cutajar.

Sport