Wednesday, April 24, 2024

Jinfetħu uffiċini ġodda f’Għawdex favur servizzi għall-anzjani fil-komunità

Aqra wkoll

Infetħu uffiċini ġodda f’Għawdex biex jaqdu l-bżonnijiet tal-anzjani Għawdxin li jgħixu fil-komunità. L-uffiċini jinsabu fil-bini l-ġdid taċ-Ċentru Servizz Anzjani fir-Rabat Għawdex, li fih saru diversi xogħlijiet.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela sostna l-importanza ta’ dawn l-uffiċini li jassiguraw aċċessibbiltà għas-servizzi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-Ministru Abela spjega li f’dawn l-uffiċini qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-anzjani għall-istess servizzi. Dan filwaqt li jingħata wkoll servizz ta’ informazzjoni fejn l-anzjani jistgħu japplikaw għas-servizzi li jkollhom bżonn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC Dr Renzo De Gabriele spjega li s-servizzi li jiġu offruti f’Għawdex għall-anzjani Għawdxin minn Dar Padova f’Għajnsielem, huma: servizz ta’ flebotomija (teħid tad-demm); servizz domiċiljari ta’ infermier u carer; servizz ta’ kontinenza (b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex), interventi mid-tim tad-dimensja, ċentru tal-attività tad-dimensja, klinika vaskulari, servizzi ta’ podjatrija, occupational therapy, servizz dijetetiku domiċiljari u ta’ nutrizzjoni, servizz ta’ night shelter, servizz ta’ psikoterapija u s-servizz ta’ trasport għall-anzjani magħruf bħala Silver-T.

Dr De Gabriele qal ukoll li billi n-numru ta’ ċittadini anzjani qed dejjem jiżdied, l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità hija impenjata biex iżżid ħidmietha biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.

Anzjani Għawdxin interessati f’xi wieħed mis-servizzi li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jistgħu jimlew l-applikazzjoni li tinsab fuq is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew iżuru dawn l-uffiċini taċ-Ċentru Servizz Anzjani ta’ Għawdex li jinsab 39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex.

Sport