Nhar l-Erbgħa, il-Membri Parlamentari Ewropej flimkien mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill iddiskutew l-aħħar żviluppi fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss tal-UE.
Siegfried Mureşan (PPE, ir-Rumanija), il-korapporteur tal-QFP tal-Parlament, wissa li “kwalunkwe tnaqqis fil-baġit, li jdgħajjef l-Ewropa fis-snin li ġejjin, mhux se jkun bażi għall-approvazzjoni tal-Parlament. Din il-Kamra mhux se tapprova baġit li ma jippermettix li nilħqu l-għanijiet tagħna, jew li jaffettwa l-kapaċità tagħna li nirreaġixxu meta jkun hemm kriżijiet, jew żviluppi mhux mistennija”.
Mureșan iddikjara li l-Kummissjoni kienet ipproponiet baġit 2028-2034 fl-istess livell bħall-baġit attwali 2021-2027 minkejja l-isfidi dejjem akbar. Il-proposta tal-Kummissjoni tammonta għal 1.15 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-Istati Membri, filwaqt li l-QFP attwali meta tressaq kien 1.14 % tal-ING tal-Istati Membri. “Kwalunkwe tnaqqis ulterjuri taħt il-proposta tal-Kummissjoni jdgħajjef l-Ewropa,” huwa insista. Mureșan enfasizza li filwaqt li l-baġits nazzjonali żdiedu bi 68% matul dawn l-aħħar seba’ snin f’numri assoluti, il-baġit tal-UE ma żammx il-pass – il-perċezzjoni ta’ baġit tal-UE li dejjem qed jikber sempliċiment mhijiex preċiża.
Carla Tavares (S&D, il-Portugall), il-korapporteur tal-QFP tal-Parlament, qalet, “m’għadniex qed nindirizzaw kriżijiet temporanji, iżda sfidi strutturali”, u “ir-rispons tagħna jrid ikun ugwalment strutturali u ambizzjuż”. Dwar il-pożizzjoni tal-Parlament, hi qalet: “M’aħniex qed nitolbu ‘aktar flus’. Qed nitolbu riżorsi li jaqblu mar-responsabbiltajiet assenjati lill-UE”.
Kulħadd jaqbel, innotat Tavares, li l-Ewropa teħtieġ baġit aktar b’saħħtu biex twettaq prijoritajiet bħall-kompetittività, l-indipendenza fl-enerġija, is-sigurtà, il-klima, l-edukazzjoni u s-saħħa, filwaqt li xi wħud fil-Kunsill qed jitolbu baġit iżgħar u jirrifjutaw riżorsi proprji ġodda. “Dan ifisser li jridu Ewropa tal-ewwel klassi b’baġit tat-tieni klassi! Din mhijiex ambizzjoni, hija kontradizzjoni! U se tispiċċa tagħmel ħsara lill-Ewropej,” wissiet.
L-“għażla mhijiex bejn Ewropa rħisa u Ewropa għalja”, iżda “bejn Ewropa mhux iffinanzjata biżżejjed, li timxi minn kriżi għal kriżi, u Ewropa ffinanzjata kif xieraq, li kapaċi tantiċipa l-isfidi, tinvesti fin-nies u fin-negozji, u ssawwar il-futur tagħha stess,” ikkonkludiet Tavares.
Kelliema mill-biċċa l-kbira tal-gruppi politiċi affermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Parlament, li ġiet adottata f’April 2026. Il-Membri tal-PE jridu baġit tal-UE b’saħħtu u realistiku li jkun orjentat lejn il-futur u li jaqbel mal-livell tal-ambizzjonijiet tal-UE u jintroduċi flussi ġodda ta’ dħul. Huma insistew fuq baġit li jġib benefiċċji għaċ-ċittadini, inaqqas l-inugwaljanzi u jiggarantixxi riżorsi adegwati għal politiki ewlenin inklużi l-finanzjament għall-agrikoltura, ir-reġjuni, il-koeżjoni, u l-qasam soċjali. Il-Membri esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar kif jintefaq il-baġit tal-UE u enfasizzaw il-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà.
Thomas Byrne, il-Ministru Irlandiż għall-Affarijiet Ewropej, ikkonferma li l-presidenza Irlandiża tal-UE ser tressaq l-abbozz ta’ pożizzjoni tal-Kunsill għan-negozjar nhar is-Sibt. “L-għan tagħna huwa li n-negozjati jersqu pass eqreb lejn ftehim,” huwa qal, filwaqt li żied jgħid li “s-sejba ta’ bilanċ tinvolvi deċiżjonijiet diffiċli”.
Piotr Serafin, il-Kummissarju għall-Baġit, il-Ġlieda kontra l-Frodi u l-Amministrazzjoni Pubblika, enfasizza li “xi kapitali qed ikomplu jħarsu lejn il-baġit tal-UE fil-mod kif il-kontabilisti jħarsu lejn il-karti tal-bilanċ: kemm nista’ ndaħħal; u kemm għandi noħroġ. Dan l-approċċ kellu n-nuqqasijiet fil-passat, iżda bil-baġit modern tagħna huwa kompletament żbaljat,” qal Serafin. Huwa nnota li l-baġit tal-UE jindirizza sfidi komuni li ma jistgħux jiġu indirizzati minn stat membru wieħed waħdu, jew li x’aktarx ikunu ħafna aktar għaljin jekk l-Istati Membri jippruvaw waħedhom.
Fil-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament appella għal żieda ta’ madwar 10% meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2025, biex jiġu appoġġjati prijoritajiet ewlenin bħad-difiża u s-sigurtà, il-kompetittività, il-koeżjoni u l-agrikoltura. Il-Membri tal-PE pproponew ukoll sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġit komuni, sabiex tittaffa l-pressjoni fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, inkluża imposta fuq is-servizzi diġitali, imposta fuq il-logħob tal-azzard online, estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera (CBAM), u imposta fuq il-qligħ kapitali tal-kriptoassi.




