Wednesday, July 24, 2024

Il-multa lil Satabank titnaqqas minn €3.7 miljun għal €851,000

Aqra wkoll

Multa ta’ €3.7 miljun maħruġa lil Satabank mill-FIAU tnaqqset għal €851,000 mill-Qorti tal-Appell. Il-bank kienet immultat mill-FIAU s-sena li għaddiet wara li nstab li kien kiser liġijiet kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Qorti tal-Appell, filwaqt li nnotat li l-liġijiet jippermettu diskrezjoni sinjifikanti għall-ammont f’sanzjonijiet amministrattivi, qalet li l-multi għandhom ikunu massimu ta’ 10% tad-dħul tal-bank.

Ir-regolamenti jgħidu li l-multi huma limitati għal €5 miljun jew mhux aktar minn 10% tad-dħul totali annwali ta’ negozju, skont l-aħħar stqarrijiet finanzjarji annwali approvati.

Satabank tinsab taħt il-kontroll ta’ EY wara li l-MFSA kienet ordnat lill-bank biex iwaqqaf kull attività. L-MFSA riċentement ħabbret il-ħatra ta’ kontrollur ġdid biex jissorvelja l-likwidazzjoni tal-bank.

Il-pulizija għaddejja b’investigazzjonijiet dwar pagamenti multi-miljunarji li kienu għaddew mill-bank. Il-kontijiet bankarji ta’ Satabank, li jlaħħqu t-12,000 kont bankarju, ġew iffriżati.

S’issa nġibdet l-attenzjoni dwar aktar minn 300 rapport dwar transazzjonijiet suspettużi li jeċċedu l-€130 miljun. L-MFSA kienet irtirat lill-bank il-liċenzja bankarja.

Ekonomija

Sport