Jessica Micallef hi kantanta stabbilita li għandha għal qalbha sew il-mużika. Ipparteċipat f’diversi festivals lokali u dejjem kienet konsistenti fil-wirjiet tagħha. Bla dubju bħal kull kantanta oħra, għandha l-ambizzjonijiet tagħha li biż-żmien tixtieq li tilħaqhom.
Talk.mt iltaqa’ ma’ Jessica fejn hi tkellmet dwar din in-namra li għandha lejn il-mużika u kif tħares lejn ix-xena lokali ta’ dan is-settur li kulma jmur qed isir dejjem aktar interessanti.
Kif bdiet l-imħabba lejn il-mużika?
“Kien għad kelli tliet snin u ommi mal-ewwel bdiet tinduna li għandi interess kbir lejn il-mużika. Kont inkanta kulfejn inkun fosthom waqt li għaddejja xi diska fuq ir-radju jew inkella fuq il-kompjuter fejn kont infittex ħafna You Tube u nisma’ xi diska favorita tiegħi.”
“Meta kelli seba’ snin, l-għalliema u anke l-kap tal-iskola kienu jiggustawni nkanta tant li ftit tax-xhur wara l-ġenituri tiegħi ddeċidew li joħduni għal-lezzjonijiet tal-kant. Minn hemm bdiet l-avventura l-veru tiegħi fil-kant u llum il-ġurnata ninsab hawnhekk grazzi għax-xogħol kbir li dejjem tajt lill-mużika.”
Saqsejt lil Jessica sabiex tkellimni dwar l-esperjenza tagħha s’issa kemm ilha tipprattika l-kant. Hi qaltilna li hi taħdem qatigħ sabiex iżżid il-livell tagħha iżda rrimarkat li f’Malta l-opportunitajiet ma tantx huma ħafna sabiex timraħ aktar f’dan is-settur.
“Sfortunatament f’Malta kantant jew kantanta ma tantx jista’ jikber. L-opportunitajiet huma limitati ħafna u xi kultant nemmen li iktar inħarsu lejn l-istess uċuh meta niġu biex nagħżlu lil xi ħadd aktar milli nagħtu opportunitajiet għal dawk il-kantanti emerġenti. Din hi xi ħaġa li ma tantx togħġobni għax kull kantant għandu l-potenzjal tiegħu.”
Jessica tgħid li kulfejn tmur dejjem tipprova toħloq dik l-atmosfera sabiex l-udjenza jew il-folla li tkun quddiemha tiddeverti.
“Jien immur nagħmel gigs f’diversi postijiet fosthom bars, ristoranti u anke okkażjonijiet oħra speċjali. Kulfejn immur in-nies ikomplu miegħi u dan għalija hu ta’ sodisfazzjon kbir.”
“Nemmen li jekk kantant Malti jkollu aktar opportunitajiet, żgur li kapaċi jasal iżda meta tkun limitat ftit tista’ tavvanza.”
Iżda Jessica taħseb li kantant Malti hu apprezzat mill-pubbliku Malti inġenerali jew inkella meta jiġi kantant barrani, kulħadd imur jitolbu l-firma tiegħu u jieħu ritratt miegħu?
“Sfortunatament ngħid ukoll li l-kantant Malti ftit hu apprezzat ħdejn kantanti barranin oħrajn. Hemm radjijiet lokali li jdoqqu mużika tal-kantanti Maltin iżda hemm oħrajn li bilkemm tisma’ kanzunetta li jkantaha kantant jew kantanta Maltija. Din hi ħasra kbira.!”
“Nerġa’ ndur fuq l-argument li qbadt, xi kultant nemmen ukoll li qabel ċerti festivals li jiġu organizzati f’Malta, jkun diġa’ evidenti min ikun se jirbaħ il-kompetizzjoni. Dan għadu qed jiġri u għalhekk żgur li l-kantant li jkun tant stinka u ħadem, jaf li mhux se jirnexxielu jagħmilha minn qabel. Dan kollu ma narahx sew jien għax kull kantant għandu dritt li jkollu ċans jirbaħ kompetizzjoni.”
Saqsejna lil Jessica Micallef jekk għandhiex ħsieb li tieħu sehem f’xi festival lokali tal-kant fosthom il-Malta Eurovision Song Contest. Hi qaltilna li tixtieq terġa’ tipprova. Fil-verita’ s-sena l-oħra hi daħħlet diska iżda ma rnexxilhiex tagħmilha għall-finali.
Jessica Micallef għandha wkoll għal qalbha l-immudellar li bdiet tipprattikah riċentement. Hi tgħid li dan is-settur jaffaxxinaha ħafna u jogħġbuha ħafna r-ritratti u meta tkun qed tippoża fuq il-palk jew kif inhu msejjaħ il-catwalk.
Saqsejna lil Jessica kemm il-kant u l-immudellar jgħinuha fil-ħajja personali tagħha.
“Inħoss li dawn iż-żewġ delizzji li għandi jgħinuni ħafna f’ħajti. Nemmen li żiduli ħafna l-kunfidenza tiegħi filwaqt li tieħu l-ħajja b’mod aktar determinat u tkun lesta għall-isfidi.”
Minkejja dan kollox, hi tgħidilna li qabel ma tkun se tagħmel xi wirja partikolari jew inkella toħroġ tkanta jew timmudella, tħoss dawk il-friefet tagħha fl-istonku li tgħid li huma importanti sabiex tkun tista’ tikkonċentra.
Iżda x’se jkun il-futur ta’ Jessica Micallef?
“Nixtieq li nkompli nkanta u issa wkoll nimmudella. Barra minn hekk l-akbar xewqa li għandi hi dik li mmur barra minn Malta u b’hekk ukoll ikolli aktar opportunitajiet li sfortunatament hawn għadhom neqsin. Nixtieq nistudja ċerta teknika fil-kant sabiex imbagħad niġi hawn u ngħaddih lil ħaddieħor.”
Finalment tlabna lil Jessica Micallef bħala kantanta u mudella sabiex tgħaddi messaġġ lit-tfal u liż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fuq il-palk.
“L-ewwelnett importanti li temmen fik innifsek u f’dak kollu li tkun qed toħlom. Importanti li toħlom għax il-ħolm jista’ jsir realta’. Taqta’ qalbek qatt u iktar ma tirsisti, iktar se tiġi ppremjat ta’ dak ix-xogħol kollu li tkun ħadt.”
“Il-mużika u l-immudellar jagħtuk kunfidenza kbira u jżidu fik aktar ħiliet ta’ komunikazzjoni soċjali man-nies fil-ħajja ta’ kuljum.”