Tuesday, May 14, 2024

L-għargħar fil-Pakistan ħalla żoni kbar “qishom baħar”

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif żar iż-żoni milquta mill-għargħar devastanti li ħalla iktar minn 1,343 persuna mejtin. Hekk kif ra b’għajnejh iż-żoni milquta Sharif qal li partijiet mill-pajjiż “jidhru qishom baħar” u dan hekk kif żoni kbar spiċċaw litteralment mgħarrqin taħt l-ilma. 

Huwa kkalkulat li iktar minn 33 miljun persuna – minn popolazzjoni ta’ 220 miljun – ġew affettwati mid-diżastru li skont l-awtoritajiet seħħ kawża tat-tibdil fil-klima. Kawża ta’ dan l-għargħar, mijiet ta’ eluf ta’ persuni spiċċaw bla dar u saret ħsara ta’ minn tal-inqas $10 biljun. 

Hekk kif żar il-provinċja ta’ Sindah, il-Prim Ministru Sharif qal mal-midja li, “lanqas titwemmen l-iskala tad-diżastru li hawn … l-ilma jinsab kullimkien; sakemm tagħtik il-vista, qisu baħar.” Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gvern qiegħed jipprovdi s-somma ta’ $313.90 miljun biex dawk milquta jibdew jingħataw l-għajnuna filwaqt li qal li se jkunu qed jinxtraw 200,000 tinda għal dawk li tilfu d-dar. 

Hekk kif issa l-ilma jibda jonqos, Sharif qal li dan se jkun ukoll ta’ sfida kbira hekk kif dan jagħti lok għal mard ikkawżat minn ilma qiegħed. Għalhekk huwa tenna li l-pajjiż għandu bżonn ammonti kbar ta’ flus biex ikun jista’ jikkumbatti din l-isfida hekk kbira. 

Sport