Tuesday, December 24, 2024

Il-PA bi skema ta’ €5 miljun biex tirranġa l-faċċata tad-dar f’UCA

Aqra wkoll

Residenti li għandhom id-dar tagħhom f’żona ta’ konversazzjoni urbana (UCA) jew hija binja skedata ta’ Grad 1 jew 2 se jkunu jistgħu jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom u jirċievu rifużjoni ta’ 100% għax-xogħlijiet.

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed tagħmel disponibbli €5 miljun biex tgħin fis-salvagwardja taż-żoni ċentrali tar-raħal ta’ Malta u tiżgura li jibqgħu parti importanti mill-wirt arkitettoniku, kulturali u soċjali tal-Gżejjer.

L-Awtorità se tiffinanzja x-xogħlijiet kollha ta’ restawr eliġibbli mwettqa, sa massimu ta’ €11,000, għal residenzi f’UCAs u €16,000, għal residenzi skedati ta’ Grad 1 u 2. Parti mill-istess rifużjoni se tinkludi wkoll sa €800 għal ħlasijiet ta’ servizz professjonali eliġibbli (inklużi l-ispejjez tal-perit) u €200 għall-ħlasijiet tal-permessi tal-Kunsill Lokali. Proprjetajiet residenzjali li diġà bbenefikaw minn skema ta’ rifużjoni preċedenti mill-PA mhux ser ikunu eliġibbli. Mill-ammont totali, €1 miljun qegħdin jiġu allokati għal proprjetajiet skedati, filwaqt li €4 miljun qegħdin jiġu allokati għal proprjetajiet residenzjali f’żoni ta’ konversazzjoni urbana.

Is-Sur Oliver Magro, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, qal li “mod wieħed kif nipproteġu ż-żoni ewlenin tal-irħula tagħna huwa li nżommuhom ħajjin u attraenti – mhux biss għax huma parti integrali mill-wirt arkitettoniku tagħna iżda wkoll għax jirresonaw l-awtentiċità tal-identità tagħna.”

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu li għar-raba’ darba se tkun qed tinfetaħ din l-iskema b’allokazzjoni ta’ €5 miljun. Skema li fi kliem il-Ministru hija xhieda tal-użu għaqli ta’ fondi pubbliċi minn dan il-Gvern, biex in-nies ikunu jistgħu jirrinovaw u jsebbħu d-dar tagħhom.

Il-Ministru qal li, “skemi bħal dawn ikomplu jagħtu l-opportunità lil pajjiżna biex iżomm il-karatteristiċi ewlenin tal-arkitettura Maltija fil-qalba tal-irħula u l-bliet tagħna.” Il-Ministru Zrinzo faħħar l-impenn tal-Awtorità fir-riġenerazzjonit taż-żoni urbanu waqt li rrikonoxxa l-apprezzament tal-pubbliku għal din l-iskema hekk kif tixhed l-istess konkorrenza ta’ edizzjonijiet preċedenti.

Ix-xogħlijiet eliġibbli jinkludu, fost oħrajn, tindif speċjalizzat (mhux invjar, power washing jew tbaqqin) tal-faċċata, tiswija/sostituzzjoni ta’ bibien, aperturi jew gallariji tradizzjonali tal-injam/ġebel/ferrobattut u s-sostituzzjoni tal-aluminju b’materjali tradizzjonali.

Is-sottomissjonijiet għal din l-iskema jiftħu nhar it-Tnejn 30 ta’ Mejju 2023 u jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju 2023 għal residenzi li jinsabu fil-UCA filwaqt li għall-propjetajiet skedati s-sottomissjonijiet se jkunu miftuħa bejn it-Tlieta 06 ta’ Ġunju 2023 u s-06 ta’ Lulju 2023. Jekk il-fondi jiġu eżawriti kollha, l-iskema tingħalaq qabel. Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru biss minn periti lokali.

Il-fondi għal din l-iskema, u skemi oħra simili, li huma disponibbli għall-Awtorità tal-Ippjanar jiġu mit-tariffi li tiġġenera mill-applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni. L-applikazzjoni tal-proċess ta’ regolarizzazzjoni tipprovdi lis-sidien ta’ proprjetà bl-opportunità li jirregolarizzaw żviluppi eżistenti mhux konformi li jinsabu fil-konfini tal-iżvilupp jew f’category 1 settlements.

Għal aktar informazzjoni żur il-website tal-Awtorità www.pa.

Ekonomija

Sport