Friday, April 19, 2024

WARA BREXIT

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ir-Renju Unit għadu ma sabx saqajh sew kemm ilu li telaq mill-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin la seħħ id-diżastru li ċerti Ewropej bassru li se jsegwi l-Brexit, u lanqas il-qawmien li uħud fil-Gran Brittanja stennew. Għalkemm fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża l-Brittaniċi urew ruħhom ħafna aktar lesti mill-Ewropej biex jieħdu inizjattivi qawwija (bħal fil-gwerra ta’ Putin kontra l-Ukrajna) fl-oqsma ekonomiċi ewlenin il-prospetti għadhom mhux ċari.

Għal żmien twil wisq damu diżgwid u inċertezzi dwar kif l-Irlanda ta’ Fuq għandha tiġi ttrattata bħala fl-istess ħin parti mir-Renju Unit u parti mill-Irlanda. Suppost li issa dil-problema nħallet. Ukoll iż-żewġ naħat donnhom fehmu li kompetizzjoni antagonistika bejniethom ma tkun ta’ ġid għal ħadd. Għandhom kull interess li b’modi ġodda minn tawk li ntużaw qabel, isostnu qrubija bejniethom.

Dan ikun ta’ ġid għal kulħadd, inkluża Malta.

IT-TURKIJA

Diffiċli ma tarax ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-Turkija nhar il-Ħadd bħala rebħa għall-President Erdogan. Fil-Parlament il-partit tiegħu u partit alleat kisbu maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet.

L-istħarriġ tal-opinjoni fl-aħħar xhur kien juri li Erdogan kien waqa’ lura sew fuq il-kandidat tal-partiti tal-oppożizzjoni magħquda. Il-medja Ewropej fil-biċċa l-kbira qabdu ma’ dan u ffokaw bil-kbir fuq il-politiċi Torok li mmilitaw kontra Erdogan.

Jidhirli li dan hu eżempju ieħor ta’ kif il-mentalità tal-Punent (tal-Ewropa) tifhem wisq lil ħaddieħor mill-perspettiva ta’ kif tifhem lilna nnifisha. Tikkonkludi wisq dwar ħaddieħor bil-kejl tagħha. Mhux l-ewwel darba li min straħ wisq fuq kriterji “Ewropej” biex jiġġudika xinhu jiġri sab li żbalja sew.

BIDLIET FIL-POLITIKA

Li tħabbar u tmexxi bidliet fil-politika… riformi tassew… mhijiex impriża faċli f’demokrazija. Aktar u aktar f’waħda parlamentari.

Fil-każ ta’ demokrazija bi presidenza eżekuttiva forsi l-affarijiet huma eħfef. Il-President li jiġi elett b’mandat dirett fuq linji ta’ riforma ċari malli jkun tela’ jista’ jmexxi b’saħħa skont il-linji li ppropona. Forsi.. imma, għax kif ġara fi Franza bil-pjan tal-President Maron għal riforma tal-pensjonijiet, id-diżgwid ukoll ifur fuq skala nazzjonali.

F’sistema parlamentari, jekk hemm bżonn li titħaddem xi bidla, irid ikun partit li jaqbel dwarha biex imexxiha ’l quddiem. X’aktarx li fil-partit stess, se ssib min ma jifhimx il-bidla u ma jaqbilx magħha. Jekk dad-dissens jinżamm għaddej fil-beraħ, ifixkel sew l-isforzi li jsiru biex jikkonvinċu lill-poplu kollu dwar is-siwi tal-bidla proposta. Jekk jinżamm mistur, jinħass bħal velenu li se jraqqad il-ħeġġa għar-riforma. U dan qabel ma jkun daħal jew daħlu fix-xena il-partit jew partiti li jopponu lil min se jipproponi r-riformi.

Sport