Kif inhu rrakkomandat, b’kollox il-Paga Minima Nazzjonali bejn l-2024 u l-2027 se togħla bejn €12 u €18 fil-ġimgħa minbarra l-COLA statutorja li trid tingħata f’dan il-perjodu.
Mill-1 ta’ Jannar 2024, il-paga minima ta’ kulħadd trid tiġi aġġustata għal €200.73ċ li biż-żieda tal-COLA għall-2024 se titla’ għal €213.54ċ. Dan ifisser li min b’riżultat tal-ftehim tal-2017, bħalissa għandu paga minima li tvarja bejn €192.73ċ u €198.73ċ fil-ġimgħa, fl-2024 se jkun qed jieħu żieda ta’ bejn €2 u €8 fil-ġimgħa apparti l-COLA statutorja għall-2024.
Min għandu paga li taqbeż il-€198.73ċ iżda mhux l-€200.73 fil-ġimgħa, jieħu d-differenza u magħha, il-COLA statutorja għall-2024.
Bejn l-2025 u l-2027 il-paga minima nazzjonali se togħla b’€10 oħra fil-ġimgħa (€3 + €3 + €4) minbarra l-COLA statutorja li trid tingħata għall-2025, 2026, 2027 rispettivament. Ir-rata fis-siegħa issa se tkun ta’ €5.34ċ. Bħalissa r-rata hi ta’ €4.82ċ.
Dawn id-dettalji ngħataw mid-Deputat Chairperson tal-Kummissjoni għall-Pagi Baxxi Mark Musù waqt briefing li sar il-ġurnalisti b’rabta mal-ftehim milħuq dwar iż-żieda fil-paga minima. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Paga Minima Nazzjonali se tkun qed tiżdied gradwalment kull sena għall-erba’ snin li ġejjin. Dan apparti ż-żidiet li ta’ kull sena jingħataw bil-COLA.
Sadanittat, fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li bħala Gvern qed iwettqu wegħda elettorali oħra – dik li tiżdied il-paga minima. Fisser dan bħala mument storiku għar-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali.
Huwa fakkar kif aktar kmieni din is-sena, il-Gvern ħatar il-Low Wage Commission, li ġabet flimkien l-imsieħba soċjali flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern biex tipproponi kif iż-żieda għandha tingħata.
“Biex tasal għal ftehim bħal dan, trid sforz min kull settur. Bħala Gvern Soċjalista dejjem żammejna u se nibqgħu nżommu l-ħaddiema fiċ-ċentru tal-ħidma politika tagħna filwaqt li nkomplu ngħinu lil kulħadd jimxi ‘l quddiem fis-socjetà,” tenna s-Segretarju Parlamentari Ellul.
Preżenti għall-briefing kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, li jmexxi l-Kummissjoni għall-Pagi Baxxi.