Friday, December 13, 2024

“Il-pajjiż għandu bżonn ukoll lil dawk li lbieraħ kienu xettiċi”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela jsostni dwar tmexxija b’umiltà

“Illum rebħet Malta flimkien.” Hekk beda biex jindirizza l-folla numeruża li nġabret quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela.

“Il-poplu wera bis-saħħa li għandu fiduċja f’pajjiżna u jrid jibqa’ miexi ‘l quddiem. Din il-fiduċja rridu nrodduha f’ħafna iktar ħidma, inwegħdkom ħafna iktar ħidma mingħandi. Kellna ħames snin ta’ riżultati kif ukoll sfidi, u l-fatt li llum l-poplu b’dan l-appoġġ tant b’saħħtu jfisser li rridu nirritornaw bl-umiltà. L-umiltà se tkun dik li tikkaratterizza din it-tmexxija, se ninsisti fuqha din u se nkun jien li mmexxi bl-eżempju.”

Żied jgħid li “Aħna qegħdin hemm għalikom u mhux intkom għalina. Għalhekk il-messaġġ u t-turija ta’ fiduċja kienet waħda b’saħħitha, se nagħtu każ ukoll ta’ dawk li ddeċiedew ma jagħtu fiduċja lill-ebda partiti. Jien ngħidilhom li l-Gvern, il-pajjiż fuq kollox, għandu bżonn il-kontribut u s-sehem tagħkom. Il-pajjiż għandu bżonn is-sehem ta’ kulħadd. Ejja ħalli naħdmu flimkien fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali ħalli nibqgħu nagħmlu l-ġid għal dan il-pajjiż.”

Dr Abela qal ukoll “Lil dawk kollha li għal raġuni jew oħra kienu xettiċi li  jagħtuna l-fiduċja tagħhom, irrid nikkonvinċukom bit-tmexxija li tkun waħda ta’ eżempju, billi fuq kollox nikkonvinċuhom bl-għemil tagħna. Ma jien se nittollera ebda arroganza ta’ ħadd. Bl-ewwel mandat tiegħi rrid nieħu l-pajjiż lejn fażi ġdida fejn inkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li għamilna imma li nindirizzaw ukoll il-prijoritajiet ġodda tal-pajjiż.”

Fl-aħħar nett huwa qal “Ejjew inħarsu li nilħqu t-tliet għanijiet li madwarhom kien mibni l-manifest elettorali tagħna. Ejjew ħalli flimkien dawk l-elf proposta issa nagħmluhom elf kisba għal pajjiżna – għandi bżonnkom. Il-ħidma trid tibda minnufih. Għalhekk Malta flimkien li trid tmidd għonqha għax-xogħol u tħares lejn kisbiet ġodda għall-pajjiż. Għalhekk, Malta flimkien, il-futur sabiħ.”

Ekonomija

Sport