Saturday, December 21, 2024

“Il-pandemija hija daqqa ta’ ħarta għall-industrija tal-arti”

Aqra wkoll

L-inizjattiva “Artists Stay at Home 2020” tal-InnovAir tgħin artisti lokali u tferraħ lill-poplu… 

Minn Carmen Cachia

Kull settur industrijali u kull ekonomija fid-dinja qegħdin iħossu l-impatt negattiv li l-pandemija tal-Covid-19 qiegħda tħalli fuqhom. L-industrija tal-arti mhix eċċezzjoni minħabba li l-artisti qegħdin isibuha diffiċli biex ikomplu jaħdmu fis-settur u joħolqu affarijiet ġodda jekk dawn ma jingħatawx xi tip ta’ kumpens u jibqgħu mingħajr opportunitajiet biex jesebixxu t-talenti tagħhom. Inewsmalta għamlet intervista mal-istilla tax-xena mużikali internazzjonali, Chellcy Reitsma, li f’inizjattiva mtella’ mill-Valletta Cultural Agency bħala parti mill-programm InnovAiR għall-“Artists Stay at Home 2020”, hija u Edward Mifsud ħarġu kanzunetta u vidjow mużikali “Desolate Days”.

L-għajnuna mill-gvern ċentrali lill-artisti lokali f’dan il-perjodu ta’ inċertezzi hija mmirata biex l-istess xogħlijiet jagħmlu kuraġġ lill-poplu Malti. Chellcy ilha s-snin ittella’ spettakli fil-Belt Valletta u kien xokk u ta’ dieqa kbira għaliha meta rat kif it-toroq żvujtaw. Hija qalet kif, “dawn it-toroq, li xi darba kienu mimlija artisti u udjenza minn ta’ kull tip, issa għebu minħabba l-Coronavirus. L-iżolazzjoni u l-fatt li ħafna nies, speċjalment dawk vulnerabbli, qegħdin fid-djar tagħhom wasslu biex Edward Mifsud, gitarrist tal-grupp Malti u jien, għamilna xi ħaġa biex inferrħu lin-nies f’dan il-perjodu pjuttost diffiċli”.

Rigward il-pandemija li ninsabu fiha, il-kantanta Chellcy spjegat kif l-industrija kreattiva qiegħda tbati u li l-artisti se jkunu qegħdin ifittxu impjiegi oħra. Konsegwenza ta’ dan, l-artisti mhux se jkollhom ħafna ħin liberu biex jiddedikaw ruħhom ħalli joħolqu xogħol ġdid u jipprogressaw fil-prattika tal-arti tagħhom.

Hija qalet li l-jum tal-ħruġ ta’ “Desolate Days”, fl-20 ta’ Awissu, kien l-ewwel spettaklu live li tellgħet online ma’ Edward u ta’ kull xahar qiegħda wkoll ittella’ xi ħaġa fuq Instagram fosthom kanzunetti u anke diskussjonijiet biex tkun viċin is-segwaċi tagħha. “Kemm ilna li ħriġna b’”Desolate Days” l-għan kien li nagħtu ftit tama lin-nies, biex naqsmu l-esperjenzi tagħna u nesprimu dak li qegħdin inħossu f’dan il-perjodu ta’ iżolazzjoni. Ridna nuru wkoll li l-artisti huma magħquda u li l-industrija tagħna wkoll. Qegħdin ngħaddu minn dan il-perjodu flimkien u ninsabu fuq l-istess dgħajsa. Qegħdin inbatu biex niffaċċjaw din il-pandemija li qiegħda tagħtina futur inċert. Ninsabu fi żminijiet tal-biżgħa iżda din hija opportunità biex nikkollaboraw bejnietna bħala komunità u anke globalment,” sostniet l-artista.

“L-għan kien li nagħtu ftit tama lin-nies, biex naqsmu l-esperjenzi tagħna u nesprimu dak li nħossu f’dan il-perjodu ta’ iżolazzjoni”

Chellcy saħqet li l-artisti u l-industrija nnfisha m’humiex se jieqfu u jridu jsemmgħu leħinhom. HIja żiedet tgħid li, “ninsabu magħqudin u flimkien se jirnexxielna ngħaddu minn dan il-perjodu ta’ iżolament. Aħna nies b’saħħitna u komunità ta’ rieda qawwija”. 

Il-vidjow mużikali “Desolate Days” huwa l-ewwel attentat tagħha ukoll fl-ambitù tal-animazzjoni, fergħa artistika li rnexxielha titgħallimha waħidha proprju fil-perjodu ta’ lockdown parzjali li kellna fl-aħħar ta’ Marzu li għadda. 

Min hija Chellcy Reitsma?

Din l-artista twieldet f’Kalifornja fl-1976. In-nanniet tagħha kienu immigranti mill-Orlanda li marru fl-Istati Uniti lura fis-snin 40-50. Fl-2004 Chellcy iggradwat mill-Istitut tal-Iskola tal-Arti ta’ Chicago (SAIC).  Hija ġiet l-ewwel darba f’Malta fl-2005 waqt wieħed mit-tours Ewropej tagħha meta kienet żeffiena u koreografu professjonista. Fl-2013 hija żżewġet Malti, Anthony Mifsud u s-sena l-oħra ngħatat ukoll iċ-ċittadinanza tagħna.

Il-passatempi tagħha huma l-għawm u l-ivjaġġjar b’mod speċjali f’postijiet fejn hemm siti storiċi u arkeoloġiċi. Barra minnhekk Chellcy tħobb ħafna l-annimali u fil-fatt mill-1994 qalbet veġetarjana. Mistoqsija jekk għandhiex xi annimal domestiku fid-dar, hija qalet li sfortuntament tbati mill-ażma u l-alleriġiji u għalhekk għaliha din il-“ħolma” m’hiex possibbli. 

Barra li għandha vuċi sabiħ u talent kbir għall-kant, Chellcy tikteb ukoll il-lirika ta’ kanzunetti u poeżiji, kif ukoll hija artista tal-arti, skultura u midja oħra. Hija ħarġet sitt singles u erba’ tracks, ħames vidjows mużikali u vidjow ta’ poeżija/prologu. Bl-arti viżwali tagħha, hija tellgħet diversi esebizzjonijiet bl-aħħar kollezzjoni tagħha “Collective Immagination” li fl-2019 kienet parti mill-programm nazzjonali għall-kreattività, “Spazju Kreattiv”.

“Minħabba nuqqas ta’ xogħol l-artisti se jkollhom ifittxu impjiegi oħra li mhux se jagħtihom wisq ħin biex joħolqu xogħol kreattiv ġdid” 

Hija tiddeskrivi l-etika tagħha bħala femminista li ma temminx li għandha timxi man-norma tas-soċjetà jew ma’ xi organizzazzjoni jew istituzzjonijiet li jiddettaw kif wieħed għandu jgħix ħajtu. “Irrid ngħix ħajti kif naraha xierqa jien u mhux li nkun marbuta u limitata minn xi dogma partikolari,” qalet din il-kantanta Amerikana-Maltija. 

Dawk li jafuha, ifaħħru t-talent uniku tagħha li toħloq mużika li tqanqal emozzjonijiet qawwija u reali b’enerġija liema bħalha. Leħinha huwa mill-aqwa u l-kanzunetti tagħha għandhom lirika bi ħsieb li jagħmlu l-viżjoni mużikali tagħha waħda impressjonanti.

Bħalissa Chellcy qiegħda taħdem fuq proġetti ġodda u eċċitanti li jinkludu erba’ kanzunetti mal-“Animal Farm Music Productions” tar-Renju Unit. Minħabba li bħalissa s-sitwazzjoni tal-Covid-19 wasslet biex ħafna mill-attivitajiet artistiċi jkunu mħassra, hija qiegħda tiffoka li żżomm kuntatt mal-grupp mużikali tagħha, kif ukoll tagħmel kanzunetti u produzzjonijiet ġodda. 

Chellcy tenniet li hija determinata tkompli tistinka fil-karriera tagħha u tagħmel ix-xogħol meħtieġ b’tali mod li ma tkunx esposta għall-perikli li l-pandemija tal-Covid-19 bħalissa qiegħda toħloq. Hija ħeġġet biex kulħadd ikun kuraġġjuż u biex niġbdu ħabel wieħed.

Ekonomija

Sport