Sunday, December 22, 2024

Il-pandemija ma naffritx l-investiment fil-proprjetà

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi 22 xahar saru 29,000 konvenji u 37,500 kuntratti

Minkejja l-effetti ekonomiċi gravi li kkaġunat il-pandemija tal-Covid-19 sa minn Marzu tas-sena l-oħra, madankollu din ma naffritx l-investiment li sar fis-settur tal-proprjetà. Tant li saru madwar 29,074 konvenji u 37,462 kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà fi 22 xahar, fil-perjodu bejn Jannar 2020 u Ottubru ta’ din is-sena. 

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana għarraf lill-Parlament illi dan ir-riżultat kien frott il-miżura li kienet tħabbret mill-Gvern fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni  Ekonomika. Din il-miżura ser tintemm kif stipulat, għall-konvenji sa l-aħħar ta’ din is-sena, u għall-kuntratti sa Ġunju 2022.

Statistika li l-istess Ministru Caruana ppreżenta fil-Parlament turi li Marzu ta’ din is-sena kien l-iktar xahar li fih saru konvenji li laħħqu l-2,108 filwaqt li l-inqas li saru kien f’April tas-sena l-oħra, b’417, fl-eqqel tal-pandemija. L-istess statistika turi wkoll illi minn Jannar tas-sena l-oħra sa Ottubru ta’ din is-sena saru medja ta’ 1,350 konvenju kull xahar.

Fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà, dawn żdiedu wkoll sostanzjalment. Fil-fatt, fl-istess 22 xahar saru 37,462 kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà. L-ikbar għadd ta’ kuntratti li saru kien ta’ 2,601 li ġew reġistrati f’Lulju ta’ din is-sena.

Dawn il-figuri jirriflettu wkoll kemm l-investiment fi proprjetà huwa wieħed qawwi tant li dan is-settur huwa pilastru importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport