Monday, May 13, 2024

“Il-pandemija ma tfissirx li l-ġlidiet l-oħra għandhom jistennew” – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Aqra wkoll

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li, minkejja l-effetti negattivi li hemm fuq il-pajjiż inġenerali minħabba l-Covid-19, “hemm virus ikbar li qiegħed jinfirex fostna: Dak tal-biża’ u tas-solitudni, li huwa theddid ikbar għas-saħħa mentali tal-poplu tagħna.”

“Hemm numru kbir ta’ persuni magħluqin weħidhom, li qegħdin isofru minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Ejja naħsbu f’xulxin, ejja nieħdu l-iżbriga, u nċemplu lil dawk li qegħdin id-dar u ma jistgħux joħorġu. Ikollna l-mezzi li nieħdu ħsieb lil xulxin. B’iktar ubbidjenza minn qatt qabel, irridu nkunu  l-għodda ewlenija bħala poplu, biex flimkien bħala ċittadini niġġieldu flimkien.”

Delia tenna li, filwaqt li l-Awtoritajiet tas-Saħħa għandhom iħarsu lejn l-istampa iktar sħiħa meta jiġu biex iqisu miżuri ġodda, il-Gvern għandu jagħmel bil-maqlub meta jiġi għall-ekonomija u jqis iċ-ċirkostanzi iktar speċifiċi. “Minflok ikompli jiffoka biss fuq is-surplus, il-Gvern għandu jħares lejn l-andament tas-setturi speċifiċi,  u lejn iċ-ċirkostanzi partikolari tan-negozji, u tal-ħaddiema self-employed. B’hekk biss, nkunu nistgħu ngħaddu minn din il-burraxka bl-iżgħar impatt ekonomiku possibbli.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għal darba oħra talab għall-waqfien immedjat tal-kuntratt mogħti lil Steward Health Care fuq l-użu tal-isptarijiet ta’ San Luqa, Karen Grech u dak t’Għawdex: “Bl-ammont ta’ flus li qegħdin nagħtu lil Stewards kull sena, stajna faċilment tajnihom minflok lil dawk il-100,000 persuna li ma tqisux mill-Gvern fl-aħħar pakkett ta’ miżuri finanzjarji, bl-istess rata li konna diġà tajna lill-80,000 persuna l-oħra.”

Saħaq ukoll li eventwalment, “xħin tgħaddi l-burraxka kollha tal-Covid-19, nirrealizzaw li sejrin niffaċċjaw kriżi waħda li hija ħafna ikbar, dik tal-emerġenza tal-klima, li thedded b’mod ħafna iktar qawwi l-għajxien tal-persuni kollha f’kull tessut tas-soċjetà. Minkejja l-ġlieda li qegħdin niffaċċjaw bħalissa, din ma tfissirx li l-ġlieda l-oħra li għandna bħalissa jistennew.”

Sport