Tuesday, April 30, 2024

Il-Papa “b’pellegrinaġġ ta’ penitenza” ġewwa l-Kanada

Aqra wkoll

Papa Franġisku beda żjara storika ġewwa l-Kanada, liema żjara hija forma ta’ apoloġija għall-inġustizzji li saru fil-konfront tfal indiġeni li kienu sforzati jattendu skejjel – ħafna minn­hom immexxija mill-Knisja – biex “jintegraw” mal-qbija tal-popolazzjoni.

Papa Franġisku, li għandu 85 sena, sejjaħ din iż-żjara bħala “pellegrinaġġ ta’ penitenza” u qal li jittama li jgħin biex jitfejqu s-sofferenzi u l-weġgħat li għaddew u għadhom qed jgħaddu minnhom persuni indiġeni tal-Kanada kawża ta’ azzjonijiet li l-Knisja kellha sehem fihom. 

Il-Papa se jkun qed iżur għadd ta’ provinċji fosthom dik ta’ Alberta u Quebec fit-Tramuntana tat-territorju Nunavut. Kurjuż huwa l-fatt li ma hemm l-ebda żjara skedata ġewwa British Columbia fejn is-sajf li għadda nstabu l-fdalijiet ta’ għadd ta’ persuni f’200 qabar mhux immarkat. Dawn il-persuni allegatament kienu sfurzati jattendu skejjel intiżi biex jintegraw lil persuni indiġenti mal-bqija tal-popolazzjoni. 

F’dawn l-aħħar snin ħarġu numru ta’ stejjer orribbli li twettqu f’dawn l-iskej­jel. L-ewwel skola magħrufa bħala “residential school” ġewwa l-Kanada kienet fetħet fl-1831 u l-aħħar waħda għalqet fl-1996. F’dak il-perjodu xejn inqas minn 150,000 tifel u tifla Métis u Inuit kienu ġew mifruda bil-forza minn mal-familji tagħhom u mpoġġija f’dawn l-iskejjel. L-għan kien li jassimilawhom billi jeqirdu l-lingwi nativi tagħhom u anke l-kultura.

Il-Knisja Kattolika Rumana kienet topera 70% ta’ dawn l-iskejjel li kien hemm iktar minn 130 minnhom imxerrdin madwar il-Kanada. Bosta kienu dawk li fl-aħħar snin tkellmu dwar dak li għaddew minnu f’dawn l-iskejjel fejn qalu li kienu jsofru minn abbuż, mard u malnutrizzjoni; dan apparti li kellhom jesperjenzaw “ġenoċidju kulturali”. Matul l-aħħar ftit snin ukoll, madwar dawn l-iskejjel instabu iktar minn 1,000 qabar mhux immarkat ta’ tfal li mietu waqt li kienu qed jattendu dawn l-iskejjel. 

Sport