Wednesday, April 24, 2024

BIEX TASAL SAŻ-ŻURRIEQ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ftit ilu kelli bżonn nasal saż-Żurrieq. Fejn qabel kont inkun hemm ta’ spiss, dan l-aħħar għal numru ta’ raġunijiet kien ili ma nersaq. Xorta bqajt niftakar it-triq – jew mingħalija – b’għajnejja magħluqa. Ġara iżda li ntlift. 

Lejn Ħal-Luqa, sibt devjazzjoni tat-traffiku; kont naf biha – dik tax-xogħlijiet sempiterni madwar l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Kull meta tiela’ jew nieżel Brussell, niltaqa’ magħhom, l-agħar lura billejl għax ikunu qishom labirint mudlam. Did-darba ħsibt li kulma kelli nagħmel inżomm attent għal kull fejn jidher xi sinjal juri ż-Żurrieq u nkompli miegħu.

Aktar faċli tgħidha dil-ħaġa milli twettaqha. Kull fejn deher isem il-post, id-direzzjoni murija dehret jew imħawda jew żbaljata. Spiċċajt darba fit-triq ta’ Ħal-Qormi, darba oħra kelli mmur lura lejn il-bidu tat-triq għal Ħal-Luqa. Fl-aħħar dħalt fl-ajurport u mill-ħruġ tiegħu qbadt il-mina li twassal sas-salib it-toroq li jagħti għaż-Żurrieq.

Nibqa’ skantat kif wara s-sens professjonali muri meta tħaddem il-proġett tal-flyovers tal-Marsa, proġett simili bħal ta’ madwar l-ajruport qed jitmexxa daqstant b’sens tal-ħabba gozz.

BLA FJUWIL

L-Ewropa donnha damet ftit biex tirrealizza li hemm ċans sabiħ li tispiċċa bla fjuwil biżżejjed fix-xitwa li ġejja. Il-miżuri ta’ sanzjoni li l-Unjoni Ewropea ħadet (ma’ oħrajn) kontra r-Russja wara li skattat il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna jaħtu għal dan.

Kien hemm min xtaq mill-bidu li dawn is-sanzjonijiet japplikaw ukoll għal embargo immedjat fuq l-importazzjoni tal-fjuwil mir-Russja. Ħaġa bħal din kienet iddaħħal lil ekonomiji ewlenin tal-Ewropa – fuq quddiem nett il-Ġermanja imma mhux biss – fi kriżi immedjata. Il-miżuri ta’ tpattija li qed idaħħal il-Kremlin billi jnaqqas il-volum ta’ gass li jibgħat lejn l-Ewropa se jwasslu għall-istess riżultat.

Sadattant, l-Unjoni Ewropea qed tvara l-programmi tagħha biex taħt l-hekk imsejħa “Green Deal” tibdel il-fonti tagħha tal-enerġija sakemm kollha jsiru ħielsa mit-tebgħa li qed jikkontribwixxu għat-tisħin tal-klima.

Is-sitwazzjoni hi delikata ħafna.

STANDARDS EDUKATTIVI

Nafu u naqblu li r-riżultati fl-edukazzjoni tagħna qed juru numru kbir wisq mill-istudenti tagħna li mhumiex jilħqu l-istandards mixtieqa f’suġġetti bażiċi. Nafu wkoll kif l-istatistika Ewropea qed tpoġġina f’dawl ikreh meta tqabbel in-numru ta’ studenti li jkomplu għall-edukazzjoni għolja ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra.

Ikun żball kbir jekk biex nilqgħu għal din l-aħħar problema, innaqqsu l-istandards meħtieġa għad-dħul fl-edukazzjoni għolja biex b’hekk jiżdied in-numru ta’ studenti li jkomplu fiha. B’xorta ħażina, malajr jasal iż-żmien fejn li nraqqgħu l-pannu bil-qara aħmar mhux biss ikun ħala ta’ żmien. Talli jkompli jagħmel il-problema aktar profonda, forsi wkoll irreversibbli. 

Sport