Saturday, May 18, 2024

Il-Papa Emeritu Benedittu marid serjament

Saħħtu kompliet tmur lura f’dawn l-aħħar sigħat

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu bil-ħerqa għall-Papa Emeritu, Benedittu XVI, li jinsab marid serjament, tant li saħħtu kompliet tmur lura f’dawn l-aħħar sigħat. Il-Papa Franġisku għamel dan l-appell b’sorpriża għal ħafna fi tmiem udjenza ġenerali fil-Vatikan, iktar kmieni llum.

Il-Papa Emeritu Bendettu, li llum għandu 95 sena, serva bħala l-Kap tal-Knisja Kattoliku u Sovran tal-Belt tal-Vatikan minn April tal-2005 sakemm irriżenja fi Frar tas-sena 2013.

Huwa kien l-ewwel papa li rriżenja f’600 sena u semma l-età avvanzata tiegħu bħala fattur ewlieni li llimitat il-kapaċitajiet tiegħu biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu bħala papa.

Dak li kien magħruf bħala l-Kardinal Ratzinger qabel laħaq papa, bir-riżenja tiegħu kien witta t-triq għall-elezzjoni ta’ Franġisku bħala l-ewwel Papa mill-Amerika t’Isfel.

Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Papa Franġisku żvela li hu wkoll issottometta ittra ta’ riżenja ftit wara l-elezzjoni tiegħu fl-2013 li kellha tidħol fis-seħħ jekk il-mard ma jħallihx jaqdi dmirijietu.

Franġisku, li għalaq 86 sena din is-sena, qal li ta l-ittra lis-Segretarju tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan ta’ dak iż-żmien il-Kardinal Tarcisio Bertone. Huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu f’saħħtu, għalkemm f’dawn l-aħħar xhur kellu jitħabat ma’ wġigħ debilitanti fl-irkoppa li ħallewh f’siġġu tar-roti.

Minn dak iż-żmien huwa għażel li juża bastun waqt id-dehriet pubbliċi, għalkemm f’intervista mal-gazzetta Spanjola ABC iddikjara li “Wieħed jiggverna bir-ras mhux bl-irkoppa”. Franġisku għamel dan il-kumment meta ġie mistoqsi x’jiġri jekk kwistjonijiet ta’ saħħa f’daqqa waħda jħallu papa ma jkunx jista’ jagħmel xogħolu.

“Fil-prattika diġà hemm regola,” żvela Franġisku, u żied, “Diġà ffirmajt ir-rinunzja tiegħi.”

Sport