Wednesday, April 24, 2024

Il-Papa jiddeskrivi xi suldati Russi bħala agħar minn oħrajn

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku ddeskrieva xi gruppi minoritarji ta’ suldati fl-armata Russa bħala agħar minn oħrajn fl-invażjoni tal-Ukrajna. It-truppi “l-aktar krudili” huma ġeneralment Ċeċeni u Burjati, qal il-Papa ma’ rivista Amerikana. Huwa ttimbra wkoll il-ġuħ ikkawżat mill-Kremlin fl-Ukrajna fis-snin tletin bħala ġenoċidju.

Min-naħa tagħha, ir-Russja sejħet ir-rimarki tal-Papa bħala perverżjoni u qalet li l-gruppi nazzjonali kienu “familja waħda”.

F’intervista mar-rivista tal-Ġiżwiti, il-Papa Franġisku ġie mistoqsi dwar in-nofs qalb tiegħu li jikkundanna direttament lir-Russja għall-gwerra. Huwa wieġeb għal din il-mistoqsija billi qal li rċieva ħafna informazzjoni dwar il-moħqrija tat-truppi.

“Ġeneralment, l-aktar krudili huma forsi dawk li huma tar-Russja iżda mhu­miex tat-tradizzjonalment Russi, bħaċ-Ċeċeni, il-Buryats u l-bqija.”

Iċ-Ċeċeni, grupp etniku li joriġina fiċ-Ċeċenja, fil-Lbiċ tar-Russja, huma fil-biċċa l-kbira Musulmani. Il-Buryats, grupp etniku Mongol indiġenu għall-Buriatia, fil-Lvant tas-Siberja, tradizzjonalment isegwu sistemi ta’ twemmin Buddisti u xamaniċi.

Ir-Russja fiha ħafna repubbliki bi gruppi etniċi u reliġjużi distinti. Ir-reliġjon tal-maġġoranza hija l-Kristjaneżmu Ortodoss.

Il-Papa qal li kien tkellem mal-President Ukren Volodymyr Zelensky diversi drabi bit-telefon, u kkomunika mal-President Russu Vladimir Putin permezz tal-ambaxxatur għas-Santa Sede.

Fi tweġiba apparenti għall-akkużi li ma kkundannax direttament lill-President Putin, huwa qal: “Xi drabi nipprova ma nispeċifikax biex ma noffendix u pjuttost nikkundanna b’mod ġenerali, għalkemm huwa magħruf sew lil min qed nikkundanna. Mhux meħtieġ li npoġġi isem u kunjom.”

Fl-istess intervista l-Papa Franġiusku żied jgħid li “kulħadd jaf il-pożizzjoni tiegħi ma’ Putin jew mingħajr Putin, mingħajr ma nsemmih b’ismu.”

Kelliema tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu Maria Zakharova kkundannat il-kummenti tal-Papa fuq l-istazzjon tal-aħbarijiet RT – Russia Today li hu kkontrollat mill-istat. Hija kienet kkwotata li qalet li din m’għadhiex Russofobija imma hija perverżjoni fuq livell li lanqas tista’ ssemmi.

Fuq il-midja soċjali sostniet ukoll illi l-Buryats, Ċeċeni u rappreżentanti oħra tal-pajjiż multinazzjonali u multi-konfessjonali huma familja waħda. 

Il-Papa Franġisku żied jim­marka l-anniversarju tal-Holodomor, u sejjaħlu ġenoċidju u “anteċedent storiku” tal-kunflitt attwali.

Daqs erba’ miljun Ukrajn mietu bil-ġuħ fl-1932-33, ikkawżata mill-kollettivizzazzjoni tal-irziezet taħt id-dittatur Sovjetiku Joseph Stalin.

Sport