Thursday, March 28, 2024

Protesti fiċ-Ċina kontra r-restrizzjonijiet tal-Covid imwaqqfa ħesrem

Aqra wkoll

Il-protesti fiċ-Ċina kontra r-restrizzjonijiet tal-Covid li faqqsu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet jidhru li tmewtu, hekk kif l-awtoritajiet bdew jirrestrinġu u l-pulizija bdiet tinterroga n-nies u tfittex fit-telfons tagħhom.

Ġiet irrappurtata preżenza qawwija tal-pulizija f’diversi bliet, u xi dimostrazzjonijiet ġew imwaqqfa jew naqsu milli jsiru. Iżda Ċiniżi komplew jipprotestaw f’mill-inqas tnax-il belt madwar id-dinja.

Id-dimostrazzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa li għadd­iet kibru wara li nar fi blokka kbira f’Urumqi, fil-Punent taċ-Ċina, li qatel 10 persuni nhar il-Ħamis.

Huwa maħsub li r-residenti ma setgħux jaħarbu min-nirien minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid, iżda l-awtoritajiet lokali ċaħdu dan.

B’riżultat ta’ dan, eluf niżlu fit-toroq għal ġranet sħaħ, u talbu li jintemmu l-‘lockdowns’ tal-Covid, b’uħud saħansitra jkollhom il-kuraġġ li jitolbu għar-riżenja tal-President Xi Jinping.

Iżda l-protesti li kienu ppjanati li jsiru f’Beijing ma seħħewx wara li l-uffiċjali tal-pulizija ċċirkondaw il-post mnejn kellhom jibdew id-dimostrazzjonijiet. F’Shanghai, ittellgħu barrieri kbar tul ir-rotta ewlenija tal-protesta u l-pulizija għamlet diversi arresti.

Stakkamenti ta’ pulizija dehru fiż-żewġ bliet jgħassu żoni fejn xi gruppi fuq il-midja soċjali kienu ħeġġew lin-nies biex jerġgħu jinġabru.

Skont filmati tal-midja soċjali vverifikati mill-BBC, protesta żgħira fil-belt tan-Nofsinhar ta’ Hangzhou nhar it-Tnejn filgħaxija twaqqfet ħesrem bin-nies jiġu arrestati.

Għexieren ta’ dimostranti iżda nġabru fiċ-ċentru tal-belt u fil-kampus tal-Università Ċiniża ta’ Hong Kong, f’turija ta’ solidarjetà mad-dimostranti fiċ-Ċina kontinentali. Ħafna wkoll inġabru barra l-ambaxxati Ċiniżi fi bliet ewlenin madwar id-dinja bħal Londra, Pariġi u Tokjo, u universitajiet fl-Istati Uniti u fl-Ewropa.

Kien hemm min issuġġerixxa li l-protesti lokali x’aktarx li mhux se jieqfu malajr u qalu li l-protesti jistgħu jonqsu f’waqtiet u jiżdiedu f’waqtiet oħra.

Riċerkatur anzjan fl-Università Nazzjonali ta’ Singapore qal li kien importanti wkoll li wieħed jinnota li l-pulizija Ċiniża għandha kapaċità tremenda u l-abbiltà li tikkontrolla u anke li twaqqaf dawn il-protesti. 

Rapporti jsostnu wkoll li l-pulizija kienu qed iwaqqfu lin-nies u jfittxu djarhom biex jiċċekkjaw jekk kellhomx netwerks privati ​​virtwali (VPNs) stabbiliti, kif ukoll apps bħal Telegram u Twitter li huma pprojbiti fiċ-Ċina.

Waħda mara qalet lill-aġen­zija tal-aħbarijiet AFP li hi u ħamsa mill-ħbieb tagħha li attendew protesta f’Beijing kienu rċevew telefonati mill-pulizija, u talbuhom informazzjoni dwar fejn jinsabu.

F’każ minnhom, uffiċjal tal-pulizija mara marret fid-dar ta’ ħabiba tagħha stess wara li naqset milli twieġeb it-telefon. Hija ġiet mistoqsija jekk żaritx xi sit iħeġġeġ għall-protesti.

Mhux ċar kif il-pulizija setgħet skopriet l-identitajiet ta’ dawk li attendew l-assemblej “illegali”.

Il-Pulizija żammet ukoll ġurnalisti li kienu qed ikopru l-protesti fl-aħħar jiem. L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li wieħed mill-ġurnalisti tagħha nżamm għal żmien qasir il-Ħadd qabel ma nħeles.

Il-ġurnalist tal-BBC Ed Lawrence nżamm ukoll għal diversi sigħat waqt li kien qed ikopri protesta f’Shanghai fl-istess lejl. 

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak qal li d-detenzjoni tal-ġurnalista kienet “xokkanti u inaċċettabbli”, u żied li l-Gran Brittanja se tqajjem tħassib maċ-Ċina dwar ir-rispons tagħha għall-protesti.

Ekonomija

Sport