Thursday, December 26, 2024

Il-Papa jiftakar fit-tfal li sfaw vittmi tal-gwerra

… Jitlob għall-paċi fid-dinja

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku appella biex in-nies kollha jitolbu għall-paċi fid-dinja tagħna, b’mod partikolari għall-Ukrajna, il-Palestina, l-Iżrael u l-Libanu.
Meta tkellem fi tmiem l-Angelus tal-Ħadd fi Pjazza San Pietru, il-Papa talab biex l-eskalazzjoni fil-vjolenza tintemm u sabiex ikun hemm iktar rispett lejn il-ħajja umana.

Irrimarka li ta’ kuljum naraw jew nisimgħu b’attakki, li fihom il-vittmi jkunu innoċenti. Semma’ li fost dawk li jinqatlu ta’ kuljum, ikun hemm tfal innoċenti u mingħajr ħtija.

Huwa enfasizza l-appell tiegħu biex kulħadd jitlob għall-paċi. Il-Papa fakkar ukoll li fil-ġimgħa li ġejja se tiftaħ Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar f’Ġinevra fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra.

Il-Papa esprima t-tama li dan l-avveniment iqajjem kuxjenza biex, waqt kunflitti, il-ħajja u d-dinjità tal-persuni u l-popli u l-postijiet ta’ qima jiġu rispettati skont il-liġi umanitarja internazzjonali.

Ekonomija

Sport