Sunday, December 22, 2024

Il-Papa Ratzinger … Karriera glorjuża mingħajr ma ried

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fl-aħħar tas-sena, ħalla din id-dinja l-Papa Emeritus Benedittu XVI, Josef Ratzinger, fl-età ta’ 95  sena. Minkejja li Ratzinger kellu immaġini ta’ bniedem kwiet l-aktar meta mqabbla ma dik tal-predeċessur u tas-suċċessur tiegħu, kif serjin naraw huwa kellu karattru determinat u fil-papat tiegħu ħa deċiżjonijiet li ħallew marka fuq l-istorja tal-knisja. Ratzinger ħalla warajh mijiet ta’ kotba  u fuq kollox kien strumentali sabiex matul iż-żmien, il-Knisja nbidlet biex tibqa’ relevanti. Minkejja li minn meta fl-2013 għaġġeb lid-dinja u rrinunċja għall-papat, deċiżjoni li kien ilu ma jkun hemm bħalha sekli sħaħ, Ratzinger qatt ma ndaħal fid- deċiżjonijiet li ħa l-Papa Franġisku minkejja li kien hemm diversi drabi li fazzjonijiet konservattivi ġewwa l-Vatikan ppruvaw jużaw lil Benedittu sabiex jikkritikaw xi deċiżjoni tal-Papa Franġisku.

Tfulija

Josef Ratzinger twieled ġewwa Marktl am Inn, belt Ġermaniża żgħira ġewwa l-Bavaria, f’ April tal-1927. Josef kien iż-żgħir fost tlett aħwa. Ommu u missieru, li kien pulizija, kienu ltaqgħu permezz ta’ avviż li kien ġab missieru fuq rivista Kattolika li xtaq jiltaqa’ ma’ mara. L-unika kundizzjoni li għamel missieru  f’dan l- avviz kien li din il-mara trid tkun Kattolika. Dan juri kemm missier Josef kien reliġjuż tant li jingħad li nhar ta’ Ħadd dan kien jisma’ tlett quddisiet. Fi kliem l-istess Benedittu, missieru tant kien jaf fuq ir-reliġjon li kien ‘kapaċi jħabbatha ma’ professur tal-università’. Il-familja Ratzinger kienu magħrufin li huma nies twajba u kienu jiġu nnutati mill-ġirien jippassiġġaw fil-kampanja u fl-istess ħin jgħidu ir- rużarju. Sħab Josef li kienu miegħu fl-iskola primarja jiftakruh bħala student brillanti u kwiet. Xi wħud minnhom li ġew intervistati fi xjuħithom jiftakruh jgħid li huwa jixtieq li xi darba jsir Kardinal. 

Meta Josef u ħuh il-kbir Georg daħlu s-seminarju, l-Ġermanja kienet qegħda tiġi mmexxiha minn Nażisti. Dawn kien ġiegħlu anke lis-seminaristi sabiex jingħaqdu bilfors mal-għaqda magħrufa bħala ‘Il-Gioventu ta’ Hitler’. Minkejja li meta sar Papa saru diversi attentati sabiex tinħoloq xi forma jew oħra ta’ polemika fuq dan l-episodju fil-ħajja ta’ Benedettu, ma nstab xejn. Mhux talli ma nstab xejn talli nstab li missier Benedittu kien ostili ħafna kontra n- Nażismu tant li kien jaqra’ regolarment gazzetti anti-Nażisti. Minħabba ż-żmien li kien għamel fi ħdan din l-għaqda, fejn kien ġie mħarreġ fis-sezzjoni ta’ kontra l-attakki mill-ajru, Benedittu kien spiċċa l-gwerra f’kamp tal-konċentrament fejn kienu jinżammu l-membri tal- Hitler’s Youth sakemm dawn ġew rijabilitati.

Karriera glorjuża mingħajr ma ried

Fl-1951, Josef u huh Georg ġew ordnati bħala saċerdoti flimkien ġewwa l-Bavaria. Huwa lesta d-dottorat tiegħu fl-1953 sabiex imbagħad, fl-1958 huwa sar professur tat-teoloġija fl- età żgħira ta’ 31-il sena.

Minkejja li għal ħafna, Ratzinger kien meqjuż bħala teologu konservattiv, ftit jafu li huwa kien strumentali sabiex matul il-Konċilju Vatikan it-tieni, organizzat mill-Papa Giovanni XXIII sabiex ‘jaġġorna’ lill-knisja, ġiet imbuttata l-viżjoni tal-Kardinal Ġermaniż Joseph Frings li kien ħadha qatta bla ħabel kontra l-konservatiżmu tal-Kurja Ekkleżjastika. Filfatt, Frings kienu ħa lil Ratzinger miegħu bħala konsulent waqt id-diskussjonijiet imqanqla li kienu saru matul dan il-Konċilju.

Jingħad li meta kien jgħallem fl-Università ta’ Tobingen ġewwa l-istess Ġermanja, Ratzinger irriġetta ħafna mit-twemmin liberali ta’ Frings wara diversi attakki fuq entitajjiet reliġjużi li kienu saru fis-sittinijiet minn studenti ta’ din l-università’, attakki li kienu jinkludu  kitba vulgari kontra s-salib u studenti jitilgħu fuq il-pulpti waqt il-quddies jgħidu slogans soċjalisti u antiklerikali. Jingħad li dawn l-episodji kienu werwru persuna kwieta bħal Ratzinger u kienu strumentali għal dak li huwa għamel aktar tard fil-karriera tiegħu fil- konfront ta’ movimenti ribellużi.

Wara karriera twila jgħallem it-teoloġija ġewwa diversi universitajiet ġewwa l-Ġermanja, l- Papa Pawlu VI appuntah bħala l-Arċisqof ta’ Munich u Freising, kariga li Ratzinger ma tantx kien ħerqan li jieħu minħabba li kien jippreferi l-ħajja akkademika ta’ studju u kitba. Fl-1977, l-istess Papa ħatru bħala Kardinal.

Ratzinger l-‘Inkwiżitur’ u l-Moviment teoloġiku għal-libertà

Wara diversi attentati sabiex jieħdu jgħinu ġewwa l-Vatikan mill-Papa Ġwanni Pawlu II,  attentati li Ratzinger dejjem irrifjuta minħabba li pprefera jibqa’ ġewwa l-Bavaria, wara l- attentat li kien sar fuq il-ħajja tal-istess Papa mit-Tork Ali Agca fl-1981,  Ratzinger aċċetta n- nomina ta’ Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi li huwa l-isem li kienet ingħatat l-inkwizizzjoni. Jingħad li il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kellu fiduċja għamja f’Ratzinger tant li ħafna jsostnu li kull ma kien jonsqu jagħmel qabel ma miet kien li jaħtru Papa huwa stess. 

Minn dan iż-żmien li Ratzinger kien għamel iservi bħala Prefett, baqgħat tissemma’ l-battalja li kellu mal-Patri Brażiljan Leonardo Boff. Dan Boff kien wieħed mill-mexxejja tal-hekk imsejjaħ Moviment Teoloġiku għall-Libertà, moviment li kien origina mill-Koncilju Vatikan it-Tieni bl-iskop li jgħin lin-nies jieħdu l-libertà minn reġimi awtokratiċi. Jingħad li Ratzinger kellu biċċa xogħol iebsa sabiex jieħu l-permess ta’ Ġwanni Pawlu t-Tieni biex joħodha kontra dan il-moviment, l-aktar minħabba li kif jaf kulħadd, Karol Woytila kien qiegħed imexxi kruċjata kontra l-Kommuniżmu f’pajjiżu l-Polonja. L-argument li ġab Ratzinger biex ikkonvinċa lil Woytila kien li kemm il-Kommunizmu kif ukoll in-Nażiżmu bdew il-ħajja tagħhom bħala movimenti favur il-libertà biex imbagħad irriżultaw bħala l-akbar żewġ theddidiet kontra l-libertà u d-drittijiet tal-bniedem. 

Skont Ratzinger dan il-Moviment Teoloġiku seta’ jsir l-istess u joħloq aktar problemi milli jsolvi. Skond Ratzinger, dan il-moviment kien ‘sejjer iġib lill-Knisja Kattolika bħala partit politiku’. Eventwalment, l-inkwiżitur Ratzinger kien stieden lil Boff ġewwa Ruma u meta dan baqa’ jinsisti li l-Knisja għandha tgħin lill-pajjiżi tal-Amerika Latina biex jieħdu l-ħelsien mid-dittatorjati li kienu jmexxu lill-ħafna mill-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun, huwa ordna lill-Boff ‘għas-silenzju’. Eventwalment Boff kellu joħroġ minn patri. Din l-istorja kienet waslet sabiex il-medja tibda ssejjaħ lil Ratzinger bħala il-Panzer Cardinal.

Papa problematiku

Wara l-mewt ta’ Ġwanni Pawlu it-Tieni fl-2005, f’wiehed mill-iqsar konklavi li saru dan l- aħħar, kif kien mistenni u fuq kollox kif kien xieraq, il-kardinali għażlu lil Josef Ratzinger bħala l-264-il Papa tal-Knisja Kattolika. Ta min jgħid li dawn il-konklavi kienu tmexxew mill- istess Ratzinger wara li fl-2002, huwa kien ġie maħtur minn Woytila bħala d-Dekan tal- Kulleġġ tal-Kardinali.

Naturalment, Benedittu kellu biċċa xogħol iebsa biex jidħol fil-qlub tal-fidili wara l-Papat kariżmatiku ta’ Karol Woytila li kellu karattru estrovert għall-aħħar b’differenza ta’ dak introvert ta’ Ratzinger. Tant huwa hekk li jingħad li huwa propju għalhekk li huwa għażel l- isem ta’ Benedittu wara l-qaddis li kien ifforma ordni tal-klawsura biex appuntu juri li huwa ta’ karattru timidu ħafna.

Il-Papat ta’ Ratzinger mill-ewwel beda bl-għawġ għax diskors li kien għamel ġewwa università Ġermaniża kien ġie nterpretat mill-kommunià Musulmana bħala sfida għall- Islam u kien qajjem ħafna protesti madwar id-dinja. Eventwalment, Benedittu kien skuża ruħu u qal li id-diskors ma kienx intiż bħala nsult u wara kien addiritura’ mar jagħmel żjara f’moskea fit-Turkija sabiex jirranġa dan l-iżball.

Ftit wara, faqqa l-akbar skandlu tal-Papat tiegħu wara li ġurnal Amerikan kien żvela li matul il-Papat ta’ Ġwanni Pawlu t-Tieni, l-knisja kienet ħbiet ħafna każi ta’ pedofelija minn qassisin. Sabiex wieħed ikun ġust ma’ Benedittu, matul il-Papat tiegħu huwa ħadem qatta bla ħabel sabiex issir ġustizzja tant li madwar 900 qassis ġew imkeċċija mill-Knisja. Huwa ltaqa’ ma’ diversi vittmi ta’ dawn il-qassisin u min kien qrib tiegħu matul dan l-iskandlu jgħid li litteralment beka meta sema’ dawn l-istejjer orribbli.

Skandlu ieħor li faqqa matul il-Papat tiegħu kien dak meta fl-2012, Paolo Gabriele, s- segretarju lajk ta’ Benedittu seraq dokumenti sensittivi minn fuq l-iskrivanija tal-Papa u għaddiehom lill-medja. Fost l-iskandli li ġew esposti minn dawn id-dokumenti  kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ġewwa l-Vatikan, theddid ta’ rikatti fuq qassisin omosesswali, tixħim sabiex wieħed ikollu udjenza mal-Papa, evażjoni ta’ taxxi, intriċċi u ġlied fost fazzjonijiet ġewwa l-Vatikan u addirittura pjan li kien sejjer isir attentat fuq il-ħajja tal-istess Benedittu.

Ir-riżenja

Wara li jingħad li kien ilu jaħsibha x-xhur tant li kien anke saħansitra diġa’ għażel il-post fejn kellu jmur jgħix wara li jirriżenja minn Papa, Benedittu ħasad lid-dinja meta fl-2013 huwa ħabbar li kien qiegħed juża’ l-klawsola no 332.2 tad-Diritto Canonico, li huwa speċi ta’ regoli li fuqhom għandu jimxi l-Papa, u din sejjer jirriżenja minn Papa minħabba ‘li ma kienx għadu jiflaħ kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment biex ikun is-suċċessur ta’ Pietru’. Minn dak inhar ‘lquddiem huwa rtira mix-xena pubblika u mar jgħix ġewwa l-Monasteru ta’ Omm il-Knisja’, li jinsab ġewwa l-Vatikan stess, monasteru li kien ġie mwaqqaf minn Karol Woytila fis-snin disgħin biex fih ikun hemm ordni reliġjuża bl-iskop li titlob għall-Papa.

Minkejja li kien hemm diversi attentati biex jinħolqu xi polemiċi fis-sens li l-figura ta’ Benedittu fil-Vatikan tintuża bħala simbolu tal-fazzjonijiet ta’ kontra Franġisku, Benedittu dejjem qagħad lura u qatt ma ndaħal fid-deċiżjonijiet tas-suċċessur tiegħu li għandu stil kompletament differenti minn dak li kien uża l- istess Ratzinger matul il-Papat tiegħu.

Il-Papa Benedittu jibqa’ mfakkar għall-intelliġenza tiegħu, intelliġenza li ġiet imsarrfa f’eluf kbar ta’ paġni ta’ studji li ppubblika matul ħajtu, li uħud minnhom inġabru f’kotba li għadhom sa  llum meqjusa bħala ‘best-sellers’. Fost dawn hemm il-ktieb bl-isem ta’ ‘Introduzzjoni għar-religjon Kattolika’ ktieb li ġie ppublikat fis-snin sittin u li għadu jinbiegħ sal-ġurnata ta’ llum. Fuq kollox Ratzinger, minkejja l-karattru timidu u riservat li kellu, jibqa’ msemmi għad-deċiżjonijiet diffiċli li ħa, deċiżjonijiet li papiet aktar kariżmatiċi minnu ma kienux kapaċi li jieħdu. 

Fl-aħħar mill-aħħar, Benedittu wera lid-dinja kemm qatt ma ġera wara l-poter u fl-aħħar ta’ ħajtu għex bħalma dejjem xtaq ġewwa kunvent fis-silenzju qalb il-karti u l-kotba u l-pjanu li tant kien iħobb idoqq il-mużika ta’ Mozart.

Ekonomija

Sport