“Illum għandna tfakkira mill-isbaħ ta’ għalfejn teżisti d-demokrazija.” Dan kien il-kliem tal-Ispeaker tal-Parlament Carmelo Abela waqt il-25 edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Numru ta’ żgħażagħ ressqu l-ideat u l-proposti tagħhom fil-Kamra tar-Rappreżentanti fl-okkażjoni annwali li offriet spazju għaż-żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom dwar temi li jolqtu l-preżent u l-futur ta’ Malta.
Wara sensiela ta’ workshops matul is-sajf, il-parteċipanti ddiskutew il-Klawżola tan-Newtralità fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Bilanċ bejn il-Popolazzjoni, l-Infrastruttura u l-Ambjent. Iż-żgħażagħ preżenti ressqu proposti dwar dawn it-temi, spjegaw il-ħsieb warajhom u wieġbu għall-kummenti tal-parteċipanti l-oħra, f’eżerċizzju prattiku ta’ dibattitu demokratiku.
Is-seduta nfetħet mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Carmelo Abela, li ddeskriva l-preżenza taż-żgħażagħ fil-Kamra bħala “tfakkira mill-isbaħ ta’ għalfejn teżisti d-demokrazija”. Huwa enfasizza wkoll ir-responsabbiltà tar-rappreżentanti eletti li jwasslu l-vuċi taċ-ċittadini u jirriflettu l-aspirazzjonijiet tagħhom fil-ħidma parlamentari.
B’referenza għat-temi magħżula, l-Ispeaker irrimarka dwar l-importanza ta’ diskussjoni serja u miftuħa fuq kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali. Huwa ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jirrispettaw il-fehmiet differenti u jiżviluppaw il-ħila li jressqu l-argumenti tagħhom b’mod konvinċenti u kostruttiv. Is-seduta inkludiet il-preżentazzjoni tal-proposti, dibattiti spontanji u votazzjonijiet fuq ir-riżoluzzjonijiet.
Waqt din is-seduta pparteċipaw ukoll Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, li taw il-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet u qasmu l-fehmiet tagħhom dwar it-temi trattati. Il-parteċipazzjoni tagħhom offriet opportunità għal skambju dirett bejn iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti eletti, u ġabet flimkien l-esperjenza parlamentari u l-perspettivi tal-parteċipanti dwar il-futur tal-pajjiż.
Din l-edizzjoni inkludiet ukoll interventi mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. B’hekk, iż-żgħażagħ esperjenzaw mill-qrib kif l-ideat jitressqu, jiġu diskussi u jitqiegħdu għall-kunsiderazzjoni ta’ ħaddieħor.
L-Ispeaker irringrazzja lill-parteċipanti għall-impenn tagħhom u lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għall-ħidma kontinwa tiegħu biex jipprovdi taħriġ u opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni. Huwa awgura li din l-esperjenza tispira liż-żgħażagħ biex jibqgħu ċittadini attivi u jagħtu sehemhom fl-eżerċizzji kollha li jagħmilhom ċittadini Maltin.

