Ftit inqas minn ġimgħa ’l bogħod mill-elezzjoni ġenerali, survey xjentifiku qed juri li d-distakk bħalissa bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 12.6 fil-mija favur il-Partit Laburista. Dan jirriżulta mir-raba’ stħarriġ ikkummissjonat minn IT-TORĊA f’din il-kampanja elettorali u li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà. L-istatistiku qal li jekk wieħed jikkunsidra turnout ta’ 88 fil-mija, dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 38,000 vot favur il-Partit Laburista.
Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 55.6 fil-mija tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.0 fil-mija. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.4 fil-mija tal-elettorat. Dan l-istħarriġ sar bejn il-11 u s-17 ta’ Marzu, b’kampjun ta’ 1,800 persuna.
Dott. Marmarà qal li meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jew jinsabu indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Żied jgħid li dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat finali ta’ dak li jista’ jseħħ.
Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ, jitqabbel mar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2017, wieħed jinnota żieda ta’ 0.6 fil-mija għall-Partit Laburista, tnaqqis ta’ 0.7 fil-mija għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 0.1 fil-mija għall-partiti oħrajn.
Fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, 83.5 fil-mija qalu li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada jivvutaw lill-Partit Laburusita, 1.7 fil-mija wieġbu Partit Nazzjonalista, 0.1 fil-mija qalu partiti oħrajn, 10.1 fil-mija qalu li ma jafux, 3.9 fil-mija wieġbu li ma jivvutawx u 0.7 fil-mija ma weġbux.
Fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, 74.5 fil-mija qalu li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, 4.4 fil-mija wieġbu Partit Laburista, 0.4 fil-mija qalu partit oħrajn, 15.2 fil-mija qalu li ma jafux, 4.5 fil-mija wieġbu li ma jivvutawx u 1.0 fil-mija ma weġbux.