Fis-sentejn li ġejjin, il-Partit Laburista se jkun qed iwettaq l-akbar eżerċizzju ta’ kuntatt dirett man-nies, bil-għan li jkompli jisma’ x’għandhom xi jgħidu u jidħol fid-dettall tal-aspettattivi tagħhom. L-għan tal-PL huwa li, bejn l-2027 u l-2028, jilħaq total ta’ 350,000 votant madwar il-pajjiż.
Waqt briefing għall-ġurnalisti li sar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Ivan Falzon spjega li l-parteċipazzjoni f’dan il-proċess se tkun voluntarja u se tkun miftuħa wkoll għal persuni b’fehmiet politiċi differenti.
“Qed nippreparaw biex nisimgħu iżjed,” qal Falzon filwaqt li semma’ kif diġà qed isir it-taħriġ meħtieġ b’rabta ma’ din l-inizjattiva. Huwa kompla jgħid li l-membri u l-voluntiera se jkollhom rwol x’jilagħbu fil-komunitajiet rispettivi.
Fost l-inizjattivi l-oħra li rrefera għalihom il-Kap Eżekuttiv tal-PL hemm id-diskussjonijiet li qed isiru fil-lokalitajiet. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-konverżazzjonijiet li jsiru wiċċ imb wiċċ, permezz tad-door to door, kif ukoll permezz tat-telefonati u sessjonijiet online.
In-nies se jkunu qegħdin jiġu mistoqsija x’jixtiequ li jitjieb fil-Partit Laburista, x’jaħsbu li għandu jinżamm kif ukoll x’jixtiequ li l-partit jifhem aħjar. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, il-partit se jkun jista’ jifhem aktar x’jixtiequ n-nies u jaġixxi skont dak li joħroġ minn dawn il-konverżazzjonijiet.
Falzon ħabbar ukoll li l-app myPL mistennija titnieda lejn l-aħħar ta’ Novembru li ġej, bil-għan li l-messaġġ tal-partit jitwassal b’mod aktar effettiv. Din se tkun app innovattiva li tipprovdi aċċess immedjat għall-informazzjoni pubblika tal-partit.
Permezz tagħha, wieħed se jkun jista’ jinvolvi ruħu direttament fil-partit u anke jsir membru. Barra minn hekk, l-app se tinkludi mappa bl-attivitajiet tal-partit, kif ukoll sezzjonijiet għall-membri u għall-voluntiera, u tagħrif għall-ġurnalisti, fost oħrajn.
