Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tkompli ssaħħaħ il-kwalità u s-sigurtà tal-ilma tax-xorb f’Malta. Dan isir b’mod kontinwu permezz ta’ ttestjar rigoruż tal-ilma prodott mill-impjanti tar-Reverse Osmosis fil-laboratorju ċentrali tagħha, li huwa akkreditat bl-istandard internazzjonali ISO/IEC 17025.
Din l-akkreditazzjoni hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala l-ogħla standard għall-ittestjar u l-kalibrazzjoni fil-laboratorji, u tiżgura li l-metodi, it-tagħmir u l-proċeduri tal-Korporazzjoni jilħqu l-ogħla livelli ta’ preċiżjoni u affidabilità.
L-ilma prodott mill-Korporazzjoni jgħaddi minn monitoraġġ kontinwu matul il-proċess kollu tal-produzzjoni. Dan isir billi jinġabru numru ta’ kampjuni tul il-proċess u li jiġu analizzati b’mod regolari fil-laboratorju. Dan isir biex jiġi żgurat li l-ilma jkun konformi bis-sħiħ mal-istandards nazzjonali u Ewropej tal-ilma tax-xorb.
Waqt żjara fl-impjant ta’ Għar Lapsi, bħala parti mill-kampanja ‘100 jum bis-saħħa tiegħek’, il-Ministru Miriam Dalli segwiet dan il-proċess mill-qrib, flimkien mal-Inġ. Mark Bugeja, minn meta jinġabar il-kampjun tal-ilma direttament mil-linja tal-produzzjoni sa meta jiġi analizzat fil-laboratorju tal-Korporazzjoni.
Taħt il-gwida tal-ħaddiema responsabbli mill-ġbir tal-kampjuni, il-Ministru ġabret kampjun tal-ilma u wettqet il-proċess ta’ analiżi fil-laboratorju taħt is-superviżjoni tal-maniġer tal-laboratorju, Dr David Spiteri, u x-xjentista, Diandra Briffa.
Dawn il-kontrolli fuq il-kwalità tal-ilma huma parti minn programm usa’ ta’ investiment li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-ilma f’Malta, iżid il-kapaċità tal-produzzjoni u jnaqqas l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-ilma.
F’Għar Lapsi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem fuq faċilità ġdida tar-Reverse Osmosis b’investiment ta’ €35 miljun, magħrufa bħala Plant B. Din il-faċilità ser tinkludi sitt sistemi tar-reverse osmosis b’kapaċità totali ta’ produzzjoni ta’ 30,000 metru kubu ta’ ilma tajjeb għax-xorb kuljum. L-impjant eżistenti se jibqa’ jopera b’mod sħiħ matul il-fażi kollha tal-kostruzzjoni.
Dan il-proġett huwa parti mill-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li permezz tiegħu se jiġu investiti aktar minn €400 miljun fl-infrastruttura tal-ilma f’pajjiżna matul l-għaxar snin li ġejjin.
Fl-istess sit, il-Korporazzjoni lestiet ukoll installazzjoni ġdida ta’ pannelli solari magħmula minn 888 pannella fotovoltajka, b’kapaċità totali ta’ 515 kWp. Dan l-investiment ta’ €600,000 ġie ffinanzjat permezz tal-programm tal-Green Bonds tal-Korporazzjoni u jkopri madwar 3,300 metru kwadru. L-installazzjoni mistennija tipproduċi madwar 820,000 kWh ta’ enerġija nadifa kull sena, ekwivalenti għall-konsum annwali tal-elettriku ta’ madwar 190 dar.
“Qegħdin niżguraw provvista sigura tal-ilma, li ma jfissirx biss li nipproduċu biżejjed ilma. Ifisser ukoll li niżguraw l-ogħla standards ta’ kwalità, ninvestu fl-infrastruttura li pajjiżna se jkollu bżonn fis-snin li ġejjin u naraw li l-produzzjoni tal-ilma ssir b’mod aktar sostenibbli. Ix-xogħol li qed isir f’Għar Lapsi jgħaqqad dawn il-prijoritajiet flimkien permezz ta’ proċessi rigorużi li jiżguraw il-kwalità, permezz ta’ żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni u użu ta’ enerġija nadifa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
“Il-kwalità tal-ilma tiġi segwita f’kull stadju tal-operat tagħna, bl-appoġġ ta’ laboratorju li jaħdem skont standards rikonoxxuti internazzjonalment. Fl-istess waqt, qed ninvestu b’mod sostanzjali biex inżidu l-kapaċità tal-produzzjoni u nnaqqsu l-użu tal-enerġija fl-infrastruttura tagħna. L-iżviluppi f’Għar Lapsi jirriflettu l-viżjoni fit-tul tal-Korporazzjoni biex tkompli tiżgura provvista tal-ilma affidabbli, ta’ kwalità għolja u tkun dejjem aktar sostenibbli,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.
B’kollox, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tipproduċi madwar 30 miljun metru kubu ta’ ilma fis-sena minn taħlita ta’ ilma pproduċuta mill-impjanti tar-reverse osmosis u sorsi tal-ilma tal-pjan.
