Il-Federazzjoni Maltija tat-Tennis u l-Padel (MTPF) se tospita t-tornej tal-ITF World Tennis Tour M25 Malta u l- W35 Malta mit-23 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Novembru 2026 fil-Marsa Sports Club, pass importanti fl-istorja tat-tennis professjonali f’Malta.
Għall-ewwel darba, Malta se tospita avveniment professjonali tat- tennis ta’ din l-iskala, bil-parteċipazzjoni ta’ plejers internazzjonali ta’ livell għoli, fosthom kompetituri klassifikati mal-aqwa 200 fid-dinja, flimkien ma’ plejers Maltin li se jikkompetu f’pajjiżhom stess.
L-azzjoni tibda l-Ħadd, 25 ta’ Ottubru, b’madwar 60 logħba ta’ kwalifikazzjoni. Il-main draw tibda t-Tlieta, 27 ta’ Ottubru, bil-finali skedati għall-Ħadd, 1 ta’ Novembru.
It-turnew se jagħti lill-plejers Maltin l-opportunità li jikkompetu kontra avversarji internazzjonali, filwaqt li joffri lill-pubbliku lokali l-possibbiltà li jsegwi tennis professjonali tal-irġiel u tan-nisa ta’ livell għoli.
Dr Marc Gingell Littlejohn, President tal-Federazzjoni Maltija tat- Tennis u l-Padel, qal:
“Li nospitaw it-tornej M25 u W35 huwa pass importanti għat-tennis Malti. Dan iġib kompetizzjoni ta’ klassi dinjija f’Malta, jagħti opportunitajiet siewja lill-plejers lokali tagħna u jsaħħaħ il-preżenza tagħna fix-xena internazzjonali tat-tennis. Nirringrazzjaw lil VisitMalta, SportMalta u lill-imsieħba tagħna tal-appoġġ tagħhom biex dan l-avveniment seta’ jsir realtà.”
Bl-appoġġ ta’ VisitMalta u SportMalta, it-turnew jirrifletti l-impenn favur l-iżvilupp tat-tennis lokali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li jospita avvenimenti sportivi internazzjonali.




