Saturday, November 16, 2024

Il-Partit Laburista japprova żewġ kandidati ġodda għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista approva żewġ kandidati ġodda għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej, bil-kandidati approvati mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista huma Claudette Abela Baldacchino u Jesmond Marshall. 

Jesmond Marshall 

Jesmond Marshall twieled fl-1 ta’ Diċembru tal-1965 fl-Imtarfa. Huwa beda l-edukazzjoni tiegħu fi skola ta’ Beningharia f’Ċipru u eventwalment kompla fl-iskola primarja u dik sekondarja ta’ Raħal Ġdid. Segwa wkoll kors ta’ sentejn fil-Kulleġġ għall-Istudji fit-Turiżmu. 

Fl-1984 beda l-karriera tiegħu bħala Health Assistant għal erba’ snin sal-1988. Aktar tard fl-1996 daħal jaħdem it-Tarzna u ġie nkarigat mis-superviżjoni tal-imħażen tat-Tarzna. Fl-2003 hu kien wieħed fost id-900 ħaddiem li tneħħew mit-Tarzna. 

Sa minn żgħożitu, huwa kien attivist tal-Partit Laburista. Ta’ 15 -il sena kien issieħeb fil-kumitat tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti ta’ Santa Luċija. Huwa kien elett ukoll membru fil-kumitat lokali ta’ Santa Luċija u aktar tard fil-kumitat lokali ta’ Tas-Sliema. Għal diversi snin, huwa serva wkoll bħala Steward tal-Partit Laburista fejn ħadem qatigħ dwar każijiet kontra l-inġustizzji. Minbarra l-involviment politiku tiegħu, Jesmond kien ukoll attivist ferventi fil-qasam trejd unjonistiku. 

Jesmond illum jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU fejn kien strumentali biex jintlaħaq ftehim biex iktar minn 500 familja ta’ ħaddiema jingħataw kumpens minn qorti internazzjonali wara li mardu bil-kanċer b’rabta mal-asbestos fuq il-post tax-xogħol. Riċentament, daħal ukoll f’diskussjonijiet bil-għan li jintlaħaq ftehim mal-eks ħaddiema tat-Tarzna li kienu daħlu każ fit-Tribunal Industrijali. 

Fuq livell Ewropew, Jesmond Marshall huwa membru tal-Eżekuttiv tal-European Federation of Building and Woodworkers (EFBWW). Huwa wkoll membru tal-Health and Safety Committee tal-istess federazzjoni. 

Jesmond huwa miżżewweġ lil Marylou u għandhom tifel. 

Claudette Abela Baldacchino 

Claudette Abela Baldacchino mill-Qrendi, twieldet fis-17 ta’ Frar 1973. Serviet bħala Membru Parlamentari Ewropew, Membru tal-kumitat tar-Reġjuni tal-UE u tal-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa f’isem il-kunsilli lokali ta’ pajjiżna. Serviet ukoll bħala Viċi President tal-Grupp Soċjalista fiż-żewġ istituzzjonijiet Ewropej u membru tal-eżekuttiv tal-PES Women. 

F’pajjiżna serviet bħala Viċi Sindku tal-Qrendi u Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. 

Bdiet timmilita fil-Partit Laburista fl-1987 fi żmien il-Mexxe Laburista Karmenu Mifsud Bonnici meta kellha biss 13 -il sena u serviet f’bosta karigi tal-Partit inkluż l-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv Nazzjonali, fil-kumitati lokali u anke President tas-Sezzjoni Kunsilliera. Il-Mexxej Laburista, Joseph Muscat fdalha t-tmexxija ta’ Nisa Laburisti bħala President fejn mexxiet ’il quddiem agenda progressiva favur riformi fosthom fil-liġijiet tal-IVF biex aktar familji seta’ jkollhom it-tfal u jsiru ġenituri f’pajjiżna. 

Ġurnalista għal snin twal fil-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjonijiet ONE wara li dawn kienu twaqqfu mill-Mexxej Laburista Alfred Sant. 

Ħadmet fil-qasam soċjali għal numru ta’ snin u serviet f’diversi karigi oħra f’entitajiet pubbliċi. 

Gradwata b’M.Sc fil-governanza u l-immaniġġjar, baċellerat bl-unuri fl-Amministrazzjoni Soċjali u Diploma fl-Istudji Soċjali, in-Nisa u l-Iżvilupp. 

Miżżewġa lil Kevin Abela u għandhom tewmin Pinar u Arthur. Sunshine, il-qattusa tikkumplimenta lill-familja. 

 

Ekonomija

Sport