Il-Partit Laburista fakkar il-memorja tal-eks Prim Ministru ta’ Malta u eks Mexxej tal-Partit Laburista, il-Perit Dom Mintoff, li kieku llum għalaq 110 snin.
F’ċerimonja li saret f’Bormla, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, sellem il-memorja tal-Perit Mintoff li huwa wieħed mill-ikbar politiċi fl-istorja politika u soċjali ta’ pajjiżna. It-tifkira saret bit-tqegħid ta’ fjuri f’ħoġor il-monument tal-Perit Mintoff f’Bormla.
Il-Perit Mintoff beda jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-politika mal-Partit Laburista fl-1947 u sentejn wara, ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista, kariga li okkupa sal-1984. Huwa serva bħala Prim Ministru bejn l-1955 u l-1958 u mill-ġdid bejn l-1971 u l-1984.
Gvernijiet Laburisti mmexxija minnu wasslu biex Malta għamlet progress ekonomiku u soċjali, sirna Repubblika, ksibna l-Ħelsien u nbena pajjiż fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u opportunitajiet aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin. Ħafna mill-pedamenti tal-istat soċjali modern ta’ pajjiżna għandhom l-għeruq tagħhom f’dawk is-snin tal-Gvernijiet ta’ Mintoff.
F’dan il-jum ta’ tifkira, il-Partit Laburista jikkonferma l-impenn tiegħu li jkompli jħares u jsaħħaħ il-valuri ta’ progress, ugwaljanza u ġustizzja soċjali li kienu strumentali fil-ħidma tal-Perit Dom Mintoff.


