Il-programm Kick Start, li qed jipproponi l-Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali ta’ 30 ta’ Mejju, se jkun qed jgħin liż-żgħażagħ ikollhom l-aqwa bidu b’għadd ta’ inizjattivi b’saħħithom maħsuba biex jgħinuhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom f’diversi oqsma.
Fost oħrajn, il-Partit Laburista jrid jgħin liż-żgħażagħ fil-bidu tal-karriera tagħhom u għalhekk fost diversi miżuri qed jipproponi eżenzjoni mit-taxxa għaż-żgħażagħ fl-ewwel tliet snin tax-xogħol tagħhom.
L-importanza ta’ din il-miżura kienet diskussa fi żjara li saret f’Imperial eSports f’San Ġiljan, li tmexxiet mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay, u għaliha attendew il-Ministru Silvio Schembri, il-Membru Parlamentari Cressida Galea u l-kandidat Clint Azzopardi Flores.
Imperial eSports hija organizzazzjoni Brażiljana li għażlet lil Malta biex tiftaħ ċentru Ewropew għal niċeċ ekonomiċi ġodda, fosthom fis-settur tal-gaming, l-esport u d-digital entertainment. F’dan iċ-ċentru hemm numru ta’ start-ups li jispeċjaliżżaw f’dan is-settur u nfetħu minn żgħażagħ.
Dawn in-niċeċ ekonomiċi ġodda huma importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fiż-żmien li ġej u għaldaqstant bil-miżuri li diġà ħabbar, Gvern Laburista ġdid se jkompli jassigura li jisma’ u jgħin liż-żagħażagħ li jagħżlu li jimirħu f’dawn is-setturi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay qal li dan il-hub jinkwadra fil-viżjoni futura tal-Partit Laburista, li qed jipproponi kif żgħażagħ se jiffrankaw sa massimu ta’ €12,300 hekk kif se jkunu eżentati milli jħallsu t-taxxa tad-dħul fuq l-ewwel €30,000 għall-ewwel tlett snin tagħhom fid-dinja tax-xogħol jew start up.
“Din hi miżura li trid tħalli ż-żgħażagħ jimirħu fl-aqwa snin tagħhom u tħallihom jagħmlu għażliet bħal li jinvestu dawk il-flus f’iktar taħriġ jew inkella f’affarijiet ta’ interess għalihom bħal safar u divertiment, jew fl-ewwel dar tagħhom fejn il-Partit Laburista qed jipproponi wkoll sensiela ta’ miżuri b’saħħithom,” qal Leonid McKay.
Tul iż-żjara d-delegazzjoni tal-Partit Laburista iltaqgħu ma’ diversi żgħażagħ li għadhom kif bdew dan il-pass fil-karriera tagħhom. Huma laqgħu din il-proposta li ħabbar il-Prim Ministru fl-aħħar jiem fejn spjegaw kif se tkun qed tagħtihom iktar nifs sabiex jaspiraw għall-ħolma tagħhom.


