Thursday, December 26, 2024

Il-PE jonora lil Jina Mahsa Amini u lid-dimostranti Iranjani

… Rebbieħa tal-premju Sakharov 2023

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-Moviment Nisa, Ħajja u Libertà fl-Iran u Jina Mahsa Amini ġew onorati bil-premju Sakharov għal-libertà tal-ħsieb 2023. Amini hija l-pedament ta’ dan il-moviment li twaqqaf wara l-mewt tagħha fis-16 ta’ Settembru 2022. Hija tibqa’ mfakkra għall-valuri tagħha wara li niżlet tipprotesta mal-bqija tan-nisa fl-Iran fi ġlieda kontinwa għal-libertà. 

Hija kienet arrestata mill-Pulizija f’Tehran fit-13 ta’ Settembru tal-istess sena wara li skont il-liġijiet stretti tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija naqset milli tilbes il-hijab b’mod korrett. Il-mewt tagħha tħabbret proprju tlett ijiem wara dak li rriżulta li kien abbuż fiżiku waqt li kienet f’kustodja.

Il-Parlament Ewropew ikkundanna b’mod kontinwu s-sitwazzjoni ta’ ripressjoni brutali tar-reġim Iranjan kontra dawn il-protesti li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-pajjiż.

Fl-indirizz tagħha qabel l-għoti tal-premju, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-ġlieda ta’ Amini ma jistax ikun li tintemm. Hija qalet li dan il-premju jonora lil dawk kollha li ġġieldu għal-libertajiet tagħhom, b’uħud minnhom saħansitra jispiċċaw jitilfu ħajjithom bħal Amini.

Metsola indirizzat direttament lil Afsoon Najafi u filwaqt li fakkret il-memorja ta’ oħtha li mietet f’każ separat, qalet li l-PE jappoġġjaha fir-rieda tagħha għall-ġustizzja, għaliha u għal eluf ta’ persuni fl-Iran li qed jiġġieldu kuljum għad-dinjità tagħhom.

Il-President tal-PE faħħret ukoll lil Mersedeh Shahinkar għad-determinazzjoni tagħha minkejja trawmi li għaddiet minnhom kif ukoll ċertu abbuż. “Bintek li tinsab hawn fostna qiegħda tħares lejk bi kburija u lejn futur b’ċertu tama sforz dan l-impenn tiegħek”, tenniet Metsola.

“Kunu afu li m’intkomx waħidkom. Din il-Kamra hija d-dar tagħkom u l-kuraġġ tagħkom se jerbaħ”, qalet Metsola f’indirizz lir-rappreżentanti tal-moviment.

Fl-istess ċerimonja l-avukat tal-familja ta’ Amini Saleh Nikbakht qara poeżija li kitbet ommha biex tfakkar il-memorja tagħha. Mojgan Eftekhari qalet li l-ħajja tagħha ma tagħmilx sens mingħajr bintha. Żiedet li l-legat ta’ Amini se jibqa’ mifrux madwar id-dinja kollha. Sostniet li hi temmen bis-sħiħ li isimha se jibqa’ simbolu tal-ħelsien. 

Eftekhari temmet tesprimi l-gratitudni tal-familja tagħha lill-Membri Parlamentari Ewropej għal dan il-premju, filwaqt li saħqet li l-ebda vuċi m’għandha tiġi msikkta kawża tal-biża’.

Dan il-premju jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew. Huwa twaqqaf fl-1988 biex jonora individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa msemmi f’ġieħ il-fiżiċista u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov u l-flus tal-premju huma ta’ €50,000.

Ekonomija

Sport