Sunday, December 22, 2024

IL-PERSUNI DIŻABBLI FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA TAL-GVERN

Aqra wkoll

Lil hinn min-numri, nemmen li kull Budget għandu r-rwol ewlieni biex jagħti viżjoni, kagħti tama, u jara l-iżvilupp ta’ kull ċittadin speċjalment id-dgħajjef, il-batut, il-vulnerabbli. Dan huwa prinċipju li fuqu l-Gvern Laburista sawwar il-Budgets li ppreżenta tul dawn l-aħħar tmien snin.

Dan kien il-prinċipju li fuqu sena ilu nbena l-aqwa Budget fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan hu l-istess prinċipju li fuqu ġie mfassal il-Budgt 2022.

Ħafna sar biex nies vulnerabbli speċjalment persuni b’diżabilità jkollom kwalità ta’ ħajja aħjar imma ħafna għad baqa’ xi jsir. Għax għal dan il-komponent tas-soċjetà qatt mhu biżżejjed.

Matul il-home visits niltaqa’, nisma u nifhem il-problemi, l-isfidi u l-ħolm ta’ persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom.  Riċentament ħabbart li se nkun mhux biss qed inforni lill-Fondazzjoni Nazareth b’numru ta’ kompjuters imma saħansitra se nkun qed nipprovdi għalliema lir-residenti wkoll. Inħoss li huwa dmir kollu tiegħi, kemm bħala fundatur u direttur tal-kumpanija TCTC li dejjem kienet hemm biex tgħin lil batut u anke issa bħala politiku se nkun qiegħed inkompli nimbotta l-istint u l-qalb soċjali li jien trawwimt biha.

Kien ghalhekk ukoll li l-Budget 2022 jenfasizza fuq il-kuncett ta’ ġustizzja soċjali li għandha tintlaħaq permezz ta’ distribuzzjoni ekonomika aħjar biex il-persuni b’diżabilità ma jibqgħux lura. Biex dan jintlaħaq, il-Budget 2022 ma jiffokax fuq it-tkabbir ekonomiku, iżda l-iżvilupp ekonomiku permezz ta’ miri b’impatt soċjali fuq dawk l-aktar vulnerabbli. Dak li ġie mħabbar fil-Budget 2022 kien diġà ġie antiċipat permezz tal-miżuri mħabbra f’dawn l-aħħar xhur fosthom, in-“New Hope Guarantee”, l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kera u l-Elettriku kif ukoll iż-żewġ strateġiji nazzjonali dwar persuni b’diżabilità għas-snin 2021-2030, l-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu u l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Strateġiji li jagħtuk entużjażmu kbir għaliex verament qed inpoġġu l-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom fiċ-ċentru. Mhux biss fuq il-karta imma vera b’azzjonijiet differenti. 

Mhijiex konċidenza li l-Prim Ministru Robert Abela iddeskriva l-Budget 2022 bħala, “l-aktar Budget b’miżuri soċjali li qatt sar f’pajjiżna”. Inżid li dan huwa l-aktar Budget li qatt indirizza b’mod konkret il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità. 

Dan huwa Budget li jintroduċi inizjattivi konkreti biex tassew persuni b’diżabilità jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Tassew, il-Budget 2022 se jara li persuni invalidi li jgħixu mal-ġenituri se jibdew jirċievu direttament il-ħlas ta’ għajnuna medika. Dan huwa Budget li se jneħħi t-test tal-mezzi tad-dħul fl-assistenza għal diżabilità severa. Dan huwa Budget li minn Jannar li ġej se nneħħu r-restrizzjonijiet legali għal persuni li jġarrbu diżabilità kawża ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol u li jibqgħu jaħdmu biex kemm idumu jaħdmu u jieħdu l-pensjoni għal korriment fuq ix-xogħol. 

Il-Budget 2022 se jara li persuni ma jkollhomx tnaqqis minn benefiċċji futuri tal-mard, tal-qgħad jew ta’ xi korriment fuq ix-xogħol, li jistgħu japplikaw għalihom. Il-Budget 2022 se jara wkoll li l fuq minn 1,300 tifel u tifla b’diżabilità minn età tat-twelid sa ħames snin li jeħtieġu s-servizz kliniku ta’ Occupational Therapy numru ta’ vawċers biex jintużaw f’servizz ta’ occupational therapy fil-privat. B’dan il-mod ikun qed jintlaħaq l-għan ta’ Early Intervention ma’ tfal b’diżabilità. 

Dan huwa Budget li se jara l-Gvern jinvesti biex ikollna aktar skejjel li jkollhom Autism Units. Il-Gvern ħabbar ukoll li se jinvesti f’magni Braille biex insaħħu t-tagħlim multisensorjali u naraw kif inkabbru l-għarfien għat-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali, anke fost l-istess studenti u l-edukaturi. Dan huwa Budget li se jara l-Gvern jinvesti biex tfal b’diżabilità jibqgħu jiġu assistiti wara l-edukazzjoni post sekondarja. Il-Budget 2022 se jintroduċi ukoll servizz ta’ Community Hub ukoll fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta fejn persuni b’diżabilità jistgħu jirċievu taħriġ speċjalizzat fuq aspetti diversi li għandhom x’jaqsmu mal-għejxien indipendenti. 

Se tibda wkoll l-estensjoni tas-servizzi ta’ psikoloġisti għall-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom biex tkompli tiġi ffaċilitata l-għajnuna f’waqtha u fl-inqas dewmien possibbli. Se tinxtara vettura “drive from wheelchair” biex persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal tagħlim tas-sewqan u għalhekk ikompli jitjieb il-livell ta’ indipendenza tagħhom. Fl-2022, se tkompli wkoll il-ħidma li nbdiet permezz tal- proġett INK, li kien parzjalment iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew biex ikompli jibqa’ jingħata taħriġ u opportunitajiet ta’ esperjenza ta’ xogħol bi ħlas għall-persuni b’diżabilità. 

Dan huwa tassew Budget li jħares r-ruħ soċjali ta’ pajjiżna b’miżuri ċari li ċertament se jtejbu l-ħajja tal-vulnerabbli, tal-persuni diżabbli f’pajjiżna. Dan huwa Budget ta’ Gvern Laburista. Gvern b’impenn biex pajjiżna jħaddan il-kunċett ta’ ġustizzja soċjali u biex verament nagħtu rwol ċentrali lil persuni diżabbli f’Malta ta’ għada. Dan huwa għalfejn fil-vjaġġ politiku tiegħi qed nikkontribwixxi biex in-nies tal-ewwel u t-tielet distrett ikomplu jgawdu mill-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna. Dan huwa għalfejn qed naħdem bla qatiha biex il-Partit Laburista jkompli jkun l-għażla naturali ta’ kull Malti u Għawdxi fl-elezzjoni li jmiss. 

Ekonomija

Sport