Sunday, December 22, 2024

IL-PESCO

Aqra wkoll

PESCO (“Permanent Structured Cooperation”) hu programm tal-Unjoni Ewropea li fih l-armati tal-pajjiżi membri jikkoperaw flimkien u jikkordinaw eżerċizzji u proġetti militari. Il-parteċipazzjoni hi volontarja… sa issa.

It-triq tal-PESCO infetħet bir-Trattat ta’ Lisbona li ġie ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007. Daħal fis-seħħ sentejn wara. Il-programm baqa’ jikber u jespandi. Malta baqgħet barra minnu (talanqas uffiċjalment) għax qieset li jista’ jammonta għal parteċipazzjoni f’alleanza militari. Din kienet deċiżjoni għaqlija. (L-istess ma jistax jingħad għall-Partnership for Peace, li bqajna u għadna membri tiegħu).

Il-pressjonijiet baqgħu jiżdiedu biex il-qasam tad-“difiża” jsir kolonna vitali tal-Unjoni Ewropea. Fiha l-ħidma tal-PESCO se tieħu rwol aktar ċentrali. Nimmaġina li se jiżdiedu l-pressjonijiet biex dal-pajjiż jieħu sehem. Tkun ħaġa tajba jekk il-gvern jagħmel analiżi publiku ta’ fejn ninsabu f’dil-materja, jistqarr xinhuma l-konklużjonijiet tiegħu u b’diskussjoni fil-miftuħ mal-forzi soċjali kollha tal-pajjiż, jikkjarifika l-qagħda ta’ Malta ma’ kulħadd.

IL-BOXING

Reġgħet qed tikber – qaluli – il-popolarità tal-isport tal-boxing. Jidher li l-aħħar ġlieda għall-kampjonat dinji tal-“heavyweight” bejn Tyson Fury u Oleksandr Usyk attirat udjenzi fenomenali għalkemm fost uħud, ir-rebħa ta’ Usyk qajmet kontroversji kbar. Sadattant, kibret ukoll il-popolarità tal-boxing tan-nisa – bħala sport mhux bħala wirja pornografika.

Frankament – anke jekk se nurta lid-dilettanti tal-boxing – dak li qed jiġri xejn ma jogħġobni. Għadni ma nistax nifhem xinhu l-gost li tara żewġt irġiel (u issa nisa) jagħmlu ħilithom biex iweġġgħu (u ma jimportax jekk gravi) lil xulxin.  Ta’ spiss, rebbieħa telliefa jispiċċaw imbenġla bid-demm ħiereġ. U wieħed jiftakar x’ġara minn ġellieda bħal Cassius Clay (Mohammed Ali) aktar tard f’ħajjithom, b’konsegwenza tad-daqqiet li qalgħu matul l-esperjenza “sportiva” tagħhom.

VENEZJA U MALTA

Ta’ spiss jissemma kif it-turiżmu, tajjeb kemm hu tajjeb għall-ekonomija tal-pajjiż, qed isir “wisq”. Qed joħloq inkonvenjenzi kbar għan-nies u użu eċċessive tar-riżorsi tal-pajjiż li mhumiex jifilħuhom aktar.

L-istess ilmenti qed jitqajmu f’inħawi oħra turistiċi. Il-fawra ta’ ivvjaġar li segwiet it-tmiem, jekk nistgħu ngħidulu hekk tal-pandemija tal-Covid, qanqlet dawn ir-reazzjonijiet minn Spanja sal-Italja u l-Greċja. Forsi ta’ min jikkonsidra s-soluzzjoni li daħħlet Venezja fejn biex tmur iżżur iċ-ċentru tal-belt bħala turist, trid tħallas taxxa minn qabel.

Fiċ-ċokon tagħna forsi din tagħmel sens ukoll, peress li tista’t iġi applikata għal ċerti żoni. Jekk dan jitwettaq madankollu, liema żoni jiġu ristretti b’dal-mod? L-Imdina? Kemmuna? Iċ-Ċittadella? Min se jaqbel fuq naħa, min se jippreferi oħra. U mistoqsija li tqum hi: ir-restrizzjoni fuq żjarat f’post jew postijiet magħżula, se tapplika biss għat-turisti, jew ukoll għall-Maltin li mhumiex residenti hemm? 

Ekonomija

Sport