Friday, December 27, 2024

“Il-pjan għall-Air Malta għadu jista’ jintlaħaq”

Il-Ministru Clyde Caruana

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ir-riformi li jridu jsiru fl-Air Malta huma sinjifikanti. Il-Gvern Malti jibqa’ impenjat mal-Kummissjoni Ewropea u għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-linja nazzjonali tal-ajru.”

Sostna dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana f’kumment li għamel dwar l-Air Malta f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza mal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż u l-President tal-Eurogroup Paschal Donohoe. 

Il-Ministru Caruana stqarr li kif ħabbar lura f’Jannar li għadda, il-linja tal-ajru teħtieġ riformi serji u kuraġġużi, liema riformi qed iseħħu bħalissa. Huwa kkonferma li dak li kien ippjanat għadu jista’ jintlaħaq, kuntrarjament għal dak li ntqal fil-midja. 

“Għadni nħares ‘il quddiem għal dawn ir-riformi għax fl-aħħar mill-aħħar dik l-effiċjenza sseħħ b’tali mod li l-linja tal-ajru tkun b’saħħitha. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin nistennew li jsiru aktar riformi fil-linja tal-ajru,” qal il-Ministru Caruana.

Huwa semma kif għall-ewwel darba fl-aħħar xhur, l-Air Malta mliet kważi 95% min kull 100 siġġu fuq it-titjiriet kollha tagħha. Dan meta fl-2019 l-ispazju okkupat kien ta’ bejn 70% u 74%. 

“Ir-riformi li ħadna diġà qed iħallu l-frott. Hemm ħafna riformi addizzjonali li għad iridu jsiru sabiex niżguraw li niksbu dak li rridu nilħqu,” tenna l-Ministru Caruana. 

Sadanittant, id-diskussjonijiet bejn il-Ministru Clyde Caruana u l-Ministru Paschal Donohoe ffokaw fuq is-sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika li qed tevolvi u l-impatt tagħha fuq Malta, l-Irlanda, u ż-Żona Ewro kollha kemm hi. 

Fl-isfond ta’ sfidi bħaż-żieda fl-inflazzjoni u r-reviżjonijiet fil-prospetti ta’ tkabbir globali, iż-żewġ Ministri enfasizzaw il-benefiċċju ta’ kordinazzjoni mill-qrib dwar policies ekonomiċi u fiskali. 

Il-kordinazzjoni dwar il-politika ekonomika se tkompli tkun tema ewlenija fil-programm ta’ ħidma tal-Eurogroup sal-aħħar tas-sena. 

Il-Ministri Caruana u Donohoe ddiskutew ukoll prijoritajiet tal-Eurogroup għat-tieni nofs tas-sena, fosthom il-futur tar-regoli fiskali Ewropej, it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monterja u l-proġett diġitali Ewropew. Diskussjonijiet oħra kienu jinkludu l-proċess li għaddej għall-ħatra ta’ Direttur Maniġerjali ġdid għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilità.

Fil-kummenti tiegħu wara l-laqgħa, il-Ministru għall-Finanzi Malti Clyde Caruana stqarr li ż-żminijiet li ninsabu fihom jeħtieġu policies flessibbli u b’saħħithom li jkunu sostenibbli u li joffru appoġġ lil setturi vulnerabbli tas-soċjetà. Qal li l-irwol tagħna bħala Gvernijiet Ewropej huwa li nimminimizzaw l-impatti negattivi fuq in-negozji, nipproteġu l-impjiegi u nuru reżiljenza matul dan il-perjodu ta’ sfida. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda Paschal Donohoe qal li filwaqt li l-prestazzjoni ekonomika ta’ Malta hi fost l-aqwa fl-Ewropa, il-pajjiż għandu sfidi oħra quddiemu. 

Qal li huwa importanti aktar minn qatt qabel li nżommu u nsaħħu l-koperazzjoni mill-qrib li stabbilixxejna matul il-pandemija biex ikun żgurat li l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali jikkumplimentaw lil xulxin u li l-ekonomija taż-Żona Ewro tkompli tikber.

Ekonomija

Sport